Diversi persuni tilfu ħajjithom u oħrajn indarbu uħud serjament b’riżultat ta’ inċident li kien jinvolvi xarabank li kienet qed iġġorr turisti fl-Alpi Żvizzeri tax-Xlokk. Skont il-pulizija lokali, ix-xarabank inqalbet bejn Susch u Zernez, fir-reġjun ta’ Graubünden, magħruf ukoll bħala Grisons, tard wara nofsinhar ta’ nhar il-Ħamis.
Fuq ix-xarabank kien hemm madwar 48 passiġġier Olandiż kif ukoll ix-xufier, skont ma qalet kelliema għall-Assoċjazzjoni Ġnerali Olandiża tal-Kumpaniji tal-Ivvjaġġar, f’isem l-operatur turistiku OAD.
L-istes kelliema sostniet mal-gazzetta Olandiża De Telegraaf li kien għadu kmieni biex jgħidu kemm kien hemm persuni li mietu jew indarbu. Fuq il-post iżda intbagħat tim kbir ta’ ħaddiema tas-salvataġġ u paramediċi li ġew mgħejjuna minn diversi ħelikopters.
Ritratti murija fuq siti tal-aħbarijiet Żvizzeri juru xarabank mimduda fuq ġenbha ħdejn triq dejqa tal-kampanja, fejn jidhru wkoll diversi ambulanzi u timijiet ta’ salvataġġ qed jaħdmu fuq il-post.
Skont ir-rapporti, ix-xarabank telqet mill-Olanda nhar it-Tnejn u kienet fi vjaġġ ta’ ġurnata lejn l-Isvizzera mill-Awstrija meta seħħ l-inċident.
Fi stqarrija fuq is-sit elettroniku X, il-President Żvizzeru Guy Parmelin qal li kien “xxukkjat” bl-inċident u offra l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familji tal-vittmi. Huwa qal ukoll li se ssir investigazzjoni komprensiva dwar dak kollu li ġara u li wassal għall-inċident fatali.
Zernez huwa l-punt tad-dħul għall-viżitaturi tal-Park Nazzjonali Żvizzeru, riżerva Alpina vasta li tinfirex fuq aktar minn 100 kilometru kwadru tul il-wied muntanjuż ta’ Engadine.

