Is-sena tax-xita li ntemmet kienet it-tielet waħda konsekuttiva b’inqas xita min-norma

Aqra wkoll

Is-sena tax-xita li għadha kif intemmet kienet it-tielet sena konsekuttiva li matulha tkejlet inqas xita min-norma klimatika ta’ 545.3 mm. Fil-fatt, bejn Settembru 2025 u Awwissu 2026 tkejlu total ta’ 443.5 mm xita, jiġifieri 101.8 mm inqas min-norma klimatika.

L-aħħar sena tax-xita kienet kemxejn aktar xotta minn dik tal-2024–2025, meta tkejlu 457.8 mm xita. Madankollu, kienet ferm aktar milwiema minn dik tal-2023–2024, meta tkejlu biss 249.8 mm xita, biex dik is-sena tniżżlet bħala t-tieni l-aktar sena tax-xita xotta fir-rekords tal-Uffiċċju Meteoroloġiku. Dan ifisser li matul l-2025–2026 tkejlu 193.7 mm xita aktar milli fis-sena tax-xita 2023–2024.

L-ammont ta’ xita mkejjel baqa’ taħt in-norma għal parti kbira mis-sena tax-xita 2025–2026, b’erbgħa biss mit-12-il xahar jirreġistraw aktar xita min-normi klimatiċi rispettivi tagħhom. Jannar kien l-aktar xahar milwiem, b’total ta’ 112.4 mm xita, hekk kif il-maltempata Harry ġabet magħha xita qawwija u riħ qawwi fuq il-Gżejjer Maltin.

L-EWWEL SAJF KOMPLETAMENT XOTT MILL-2020

L-erba’ staġuni meteoroloġiċi kollha kienu aktar xotti min-normi klimatiċi rispettivi tagħhom, għalkemm id-differenza varjat matul is-sena.

Kif mistenni, ix-xitwa kienet l-aktar staġun milwiem, b’ammont ta’ xita li kien l-eqreb lejn in-norma klimatika staġjonali. Bejn Diċembru 2025 u Frar 2026 tkejlu 229.0 mm xita, 4.1 mm biss inqas min-norma ta’ 233.1 mm.

Matul il-ħarifa tkejlu 155.2 mm xita, meta mqabbla man-norma klimatika ta’ 226.0 mm, filwaqt li fir-rebbiegħa tkejlu 60.4 mm, meta mqabbla man-norma ta’ 68.7 mm.

Is-sajf, min-naħa l-oħra, baqa’ kompletament qoxqox, mingħajr ebda xita mkejla matul Ġunju, Lulju u Awwissu. Filwaqt li n-norma klimatika għall-istaġun hija ta’ 15.6 mm, din kienet l-ewwel darba mill-2020 li sajf meteoroloġiku għadda mingħajr ma tkejlet qatra xita.

L-aktar jum milwiem tas-sena tax-xita kien is-6 ta’ Novembru 2025, meta tkejlu 35.6 mm xita f’24 siegħa.

Filwaqt li l-ammonti ta’ xita uffiċjali jiġu rrappurtati mill-istazzjon tat-temp f’Ħal-Luqa, huwa interessanti li wieħed jinnota li ammonti ta’ xita differenti tkejlu f’postijiet postijiet differenti madwar il-Gżejjer Maltin. Minn fost id-disa’ stazzjonijiet tat-temp tal-Uffiċċju Meteoroloġiku, dak ta’ Ħad-Dingli kejjel l-aktar xita, b’total ta’ 485.8 mm, filwaqt li dak ta’ Bengħajsa kejjel l-inqas, b’total ta’ 342.4 mm.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport