“Huwa inaċċettabbli li verdett prattikament unanimu għandu jkun is-suġġett ta’ attakki bbażati fuq gideb malizzjużi u fabbrikazzjonijiet. L-idea li tliet stħarriġiet xjentifiċi tal-opinjoni pubblika, li saru tul perjodu ta’ ħames snin minn kumpanija speċjalizzata fl-istħarriġ, u li saru fil-kuntest ta’ kampanja orkestrata fil-media kontra lakkużat fis-snin ta’ qabel il-ġuri, setgħu jinfluwenzaw lill-ġurija, hija inkredibbli”
Dan iddikjaratu d-Difiża ta’ Yorgen Fenech f’ittra mibgħutha lil midja. Id-Difiża qalet; “Ta’ min jinnota li l-eżistenza ta’ dan l-istħarriġ kien fil-fatt tressaq għall-attenzjoni tal-Qorti xahar qabel il-ġuri mill-avukati tal-familja Caruana Galizia.”
Qalet ukoll li ; “Wara li dan sar magħruf, il-Qorti, bħala prekawzjoni, bidlet il-lista tal-ġurati potenzjali għax-xahar ta’ Lulju u staqsiet lil kull ġurat, qabel ma ġie magħżul biex iservi fil-ġurija, jekk kienx ġie kkuntattjat biex jipparteċipa fi stħarriġ. Kull ġurat li tela’ ismu kemm jekk magħżul jew le, ġie mistoqsi jekk qatt ġiex kuntattjat biex jipparteċipa f’’survey’ fir-rigward. Kull wieħed u waħda wieġbu fin-negattiv, taħt ġurament”
Id-Difiża sostniet li fl-ebda mument l-avukati tal-familja Caruana Galizia jew ilprosekuzzjoni ma talbu li l-ġuri jiġi pospost, jew talbu għal xi rimedju ieħor fir-rigward tal-ġuri. Enfasizzat li fil-fehma tagħha, huwa ferm inġust lejn dawn il-ġurati, li servew lill-komunità b’sagrifiċċju personali kbir, li jigu suġġettati għal allegazzjonijiet foloz ta’ tixħim.
Fl-istess stqarrija, id-Difiża kompliet tgħid; “Huwa ferm inġust ukoll li t-tim tad-difiża jkun soġġett għal allegazzjonijiet difamatorji, kollha maghmula f’tentattiv biex jostru n-nuqqasijiet talkaż tal-prosekuzzjoni, tal-avukat Generali u tal-avukati tal-familja tal-vittma, kif ukoll il-korruzzjoni fl-investigazzjoni, u l-persistenza inspjegabbli tal-familja li tirrifjuta li taċċetta li kienu persuni oħra li kienu involuti fl-att faħxi li wassal għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia”.
Saħqet li dan kollu biex tkompli issir pressjoni biex jiġi mminat il-verdett. Diversi fatti li harġu permezz ta’ domandi u sottomissjonijiet tad difiża u li qabel ġew mistura jew injorati mill-prosekuzzjoni, li wħud minnhom mhux neċessarjament ġew irrappurtati mill-media, saħansitra wasslu lill-Qorti sabiex, fis-sentenza tagħha, tordna lill-Pulizija tinvestiga dak li rriżulta , li ħareġ matul ix-xhieda u l-provi li instemgħu waqt il-ġuri .
Tenniet tgħid li t-tim tad-difiża jirriżerva d-dritt li jieħu kwalsiasi azzjoni legali sabiex jirribatti ripetizzjoni ulterjuri ta’ gideb u allegazzjonijiet infondati fil-konfront tiegħu.

