L-enfasi tal-Programm Edukattiv il-ġdid għall-2026–2027 imniedi minn Esplora hija fuq STEAM, l-IA, il-bijodiversità u l-ħiliet futuri

Aqra wkoll

Iċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza Esplora nieda l-programm il-ġdid tiegħu għall-2026–2027, fejn ġie żvelat programm ta’ esperjenzi interattivi ġodda, wirjiet tax-xjenza u attivitajiet prattiċi mfassla biex jagħmlu t-tagħlim aktar attraenti, rilevanti u relatat mad-dinja reali.

Il-programm il-ġdid joffri opportunitajiet lill-istudenti biex jesploraw firxa vasta ta’ suġġetti, inklużi l-kreattività, l-intelliġenza artifiċjali, l-inġinerija, il-bijodiversità u l-ambjent naturali ta’ Malta. Permezz ta’ tagħlim interattiv u esperjenzjali, Esplora jkompli jħeġġeġ lill-istudenti jistaqsu mistoqsijiet, jesperimentaw u jiskopru x-xjenza lil hinn mill-klassi tradizzjonali.

Fost l-esperjenzi l-ġodda hemm attivitajiet li jesploraw ir-relazzjoni ta’ Malta mal-ilma, kif ukoll Maltese Wildlife, li tintroduċi studenti iżgħar fl-età għall-ħajja selvaġġa protetta ta’ Malta u l-importanza li jiġi ssalvagwardjat il-wirt naturali tal-pajjiż. Il-Wirja tax-Xjenza ewlenija ta’ Esplora toffri wkoll dimostrazzjonijiet live lill-udjenzi, filwaqt li tesplora x-xjenza u s-sikurezza wara n-nirien.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima qal li t-tnedija tal-lum hija parti minn investiment nazzjonali fil-kapaċitajiet, fil-kunfidenza u fl-aspirazzjonijiet tat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna. “L-Istrateġija l-ġdida ta’ Esplora għandha ambizzjoni ċara, li fiż-żmien li ġej din tiżviluppa f’pjattaforma nazzjonali għall-involviment fi STEAM – spazju fejn jingħaqdu l-edukazzjoni, ir-riċerka, l-industrija, il-kultura u l-komunitajiet. Dan il-programm huwa pass konkret f’din id-direzzjoni”, qal il-Ministru Grima.

Saret ukoll enfasi qawwija fuq l-edukazzjoni STEAM u l-ħiliet futuri. Is-serje l-ġdida Unlocking STEAM tintroduċi sfidi fl-istil ta’ escape-room li jħeġġu lill-istudenti jaħdmu b’mod kollaborattiv, jaħsbu b’mod kreattiv u japplikaw ħiliet ta’ soluzzjoni tal-problemi. Mill-banda l-oħra, STEAM Connect se tagħti lill-istudenti l-opportunità li jiltaqgħu ma’ riċerkaturi u professjonisti ta’ STEAM li jaħdmu f’Malta, filwaqt li tipprovdi rabta diretta bejn it-tagħlim fil-klassi u l-karrieri u l-opportunitajiet tal-futur.

Id-Deputat Direttur tal-Programm Edukattiv STEAM Kiki Mizzi qalet,“Irridu li kull żagħżugħ u żagħżugħa f’Malta u Għawdex jaraw lilhom infushom bħala l-problem-solvers, l-innovaturi jew ix-xjenzati tal-futur. Permezz tal-programm ta’ din is-sena, qed nagħmlu t-tagħlim tal-STEAM eċitanti, prattiku u aċċessibbli għal kulħadd — biex inħeġġu lill-istudenti jibqgħu kurjużi, jibnu l-kunfidenza fihom infushom u jiżviluppaw il-ħiliet li għandhom bżonn biex isawwru l-futur ta’ Malta”.

Des Zerafa Cini, Senior Executive għall-Iżvilupp tal-Kontenut STEAM, qal li “Il-Programm Edukattiv 2026–2027 jirrifletti l-impenn kontinwu ta’ Esplora biex jagħmel it-tagħlim tax-xjenza aktar sinifikanti, interessanti u rilevanti għall-istudenti tal-lum. Din is-sena, iffukajna fuq il-ħolqien ta’ esperjenzi li jmorru lil hinn mid-divertiment, billi ngħaqqdu t-tagħlim informali mar-riżultati tat-tagħlim formali, mal-isfidi tad-dinja reali u mal-ħiliet li l-istudenti għandhom bżonn għall-futur. Permezz ta’ spettakli interattivi, workshops prattiċi, esebiti innovattivi, inizjattivi ta’ outreach u opportunitajiet biex jiltaqgħu ma’ professjonisti fil-qasam tal-STEAM, irridu li Esplora jkompli jservi bħala pont bejn il-klassi, il-komunità u d-dinja tax-xjenza.” 

Esplora qed jespandi wkoll il-Programm ta’ Outreach tiegħu, billi jieħu esperjenzi STEAM magħżula direttament fl-iskejjel madwar Malta u Għawdex. Din l-inizjattiva tiżgura li l-istudenti li ma jistgħux iżuru Esplora xorta waħda jesperjenzaw tagħlim tax-xjenza impenjattiv u prattiku fl-iskejjel tagħhom stess.

Il-Programm Edukattiv għall-2026–2027 isaħħaħ ir-rwol ta’ Esplora fl-appoġġ ta’ edukazzjoni xjentifika innovattiva, aċċessibbli u sinifikanti, filwaqt li jispira lill-ġenerazzjoni li jmiss ta’ studenti biex jesploraw, joħolqu u jiskopru.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport