L-eks kowċ ta’ San Ġiljan ASC, Giorgios Katsounis inħatar kowċ tat-tim tal-kbar ta’ Hapoel ASA Tel Aviv Waterpolo fl-Izrael.
Il-klabb Iżraelit ħabbar il-wasla ta’ Katsounis fuq il-mezzi soċjali tiegħu, u laqgħu fil-klabb bħala l-kowċ l-ġdid tat-tim tal-kbar.
Katsounis qed iħalli l-waterpolo Malti wara perjodu impressjonanti ta’ 18-il xahar ma’ San Ġiljan. bil-kowċ Grieg iddeċieda li ma jestendix il-perjodu tiegħu mal-klabb tal-Balluta.
Matul iż-żmien tiegħu ma’ San Ġiljan, Katsounis mexxa lill-klabb għar-rebħ ta’ ħames trofej domestiċi: il-Kampjonat tax-Xitwa taċ-Ċentinarju tal-2025, in-Knock Out taċ-Ċentinarju u l-Kampjonat tas-Sajf taċ-Ċentinarju, qabel ma żied it-titli tal-Kampjonat tax-Xitwa u tan-Knock Out tal-2026.
Huwa mexxa wkoll lil San Ġiljan sal-fażi tal-Final Eight tal-European Aquatics Challenger Cup tal-2026, fatt li kompla jenfasizza l-perjodu ta’ suċċess li kellu f’Malta.
Issa Katsounis jinsab l-Iżrael, fejn se jieħu f’idejh it-tmexxija ta’ Hapoel ASA Tel Aviv u jibda kapitlu ġdid fil-karriera tiegħu ta’ kowċ.




