Tuesday, May 14, 2024

DJ Arġentin jiċħad li nfetta lil Lionel Messi bil-Covid-19

Aqra wkoll

Id-DJ Arġentin Fer Palacio ċaħad l-akkużi li nfetta lis-superstilla ta’ Paris Saint-Germain, Lionel Messi, bil-Covid-19 wara li ġie ttimbrat bħala ‘qattiel’ fuq il-midja soċjali.

PSG ikkonfermaw li Messi huwa wie­ħed mill-ħames players tal-ewwel team li rriżultaw pożittiv għall-coronavirus matul il-waqfa tal-vaganzi ta’ tmiem is-sena, bil-player ta’ 34 sena jibqa’ l-Arġentina sakemm jingħata l-permess li jivvjaġġa.

Peress li Messi rriżulta pożittiv waqt li kien fl-Arġentina, qed isegwi l-protokolli tal-iżolament f’pajjiżu, Rosario. Messi attenda għadd ta’ festini fl-Arġentina waqt il-vaganzi, fosthom bash ta’ Lejlet l-Ew­wel tas-Sena li fiha stieden lil Palacio biex jagħmel prestazzjoni.

Palacio poġġa stampa fuq Instagram jippoża ma’ Messi fil-festin il-ġimgħa li għaddiet, bit-titlu: “Jien l-aqwa biex niżfen. Graz­zi lill-familja Messi kollha tal-istedina.”

Minn dak iż-żmien id-DJ ta’ 31 sena kien suġġett għal messaġġi abbużivi online wara t-test pożittiv ta’ Messi għall-Co­vid-19, bl-utenti jissuġġerixxu li huwa l-persuna res­ponsabbli mid-dijanjosi tal-attakkant ta’ PSG.

Bi tweġiba, Palacio ħareġ biex jagħmel l-affarijiet ċari filwaqt li pprovda wkoll evidenza bil-video tat-test negattiv tiegħu tal-Covid-19.

“Qed niġi attakkat fuq Twitter għax Messi kien pożittiv għal Covid-19,” qal fuq Instagram. “Huma jirrelataw dan miegħi fejn qalu li jien infettajt lilu. Saħansitra sejħuli ‘qattiel.’ Għandi ħafna messaġġi privati ħżiena ħafna. Ilbieraħ ġejt ittestjat għax irrid nivvjaġġa lejn l-Urugwaj u m’għandix Covid-19.”

Messi se jkollu jirreġistra test negattiv qabel ma jingħata l-approvazzjoni biex jirritorna Franza. B’riżultat ta’ dan, huwa ġie eskluż mill-konfront tar-round tal-Aħħar 32 tal-Coupe de France ta’ PSG kontra Vannes tat-Tnejn li għadda li huma rebħu bl-iskor ta’ 4-0.  

Sport