Djalogu bejn il-GWU u d-Deputat Prim Ministru dwar il-futur tas-settur tas-saħħa

Aqra wkoll

Diversi sfidi fis-settur tas-saħħa, partikolarment dawk li jaffettwaw lill-ħaddiema f’dan is-settur essenzjali, kienu diskussi waqt laqgħa bejn il-General Workers’ Union (GWU) u d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Ian Borg. Matul il-laqgħa, ġew diskussi wkoll il-ħtieġa li jkomplu jissaħħu s-servizzi tas-saħħa permezz ta’ investiment fil-ħaddiema u djalogu kontinwu bejn il-Gvern u l-imsieħba soċjali.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri qal li l-laqgħa serviet biex jiġu diskussi diversi temi importanti relatati mas-settur, fosthom is-servizzi mogħtija mill-ħaddiema impjegati ma’ kuntratturi.

“Il-GWU se tkompli tagħmel il-ħidma tagħha biex jissaħħu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, filwaqt li nkomplu nikkollaboraw mal-Ministeri involuti biex niksbu l-aħjar riżultati għall-membri tagħna u għas-soċjetà. Qed nitkellmu fuq settur sensittiv ħafna fejn, filwaqt li rridu l-benesseri tal-ħaddiema, ma nistgħux ninsew il-benesseri taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin,” qal Camilleri.

Id-Deputat Prim Ministru qal li kien ta’ pjaċir għalih jiltaqa’ mat-tmexxija tal-GWU flimkien mar-rappreżentanti tat-taqsimiet tagħha. Huwa enfasizza r-rwol importanti li l-Union għandha fis-setturi tas-saħħa u tal-anzjanità attiva.

“Huwa importanti li nisimgħu l-vuċi tal-ħaddiema permezz tar-rappreżentanti tagħhom. Smajt argumenti ġenwini li tressqu għan-nom tal-ħaddiema li jirrappreżentaw,” qal Dr Borg.

Dr Borg laqa’ l-punti mqajma mill-GWU u sostna li uħud mill-isfidi identifikati jistgħu jiġu indirizzati b’mod immedjat, filwaqt li oħrajn jeħtieġu ppjanar u investiment fit-tul. Huwa tenna li kemm il-Gvern kif ukoll il-Ministeru huma impenjati li jkomplu jisimgħu, jiddjalogaw u jaħdmu flimkien mal-imsieħba soċjali biex jinstabu soluzzjonijiet fl-aħjar interess tal-ħaddiema u tal-pazjenti.

“L-interess tal-Union, tkun liema tkun, u dak tal-Gvern huwa wieħed: li l-pazjent jingħata l-aqwa servizz tas-saħħa, filwaqt li jkun hemm rispett sħiħ lejn il-ħaddiem li kuljum jagħti dak is-servizz eċċellenti li jeħtieġ inkomplu nsaħħuh u ninvestu fih,” qal Dr Borg.

Flimkien jemmnu u jħarsu ’il quddiem biex dan id-djalogu mal-GWU jkompli fix-xhur u s-snin li ġejjin.

Preżenti għal-laqgħa f’isem il-GWU kien hemm id-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Abela, il-President Jason Deguara, is-Segretarju tat-Taqsima Gvern, Entitajiet Pubbliċi u Saħħa Kendrick Bondin, is-Segretarju tat-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi Riccarda Darmanin, l-Assistent Segretarju tat-Taqsima Gvern, Entitajiet Pubbliċi u Saħħa Lawrence Bugeja, u r-Rappreżentant tal-GWU għal Għawdex Jonathan J. Vella.

Għall-laqgħa kien preżenti wkoll is-Segretarju Permanenti fi ħdan l-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u Ministeru tas-Saħħa, Renzo Degabriele.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport