L-NCPE mħassba dwar l-għoti ripetut tal-libertà proviżorja lil min allegatament wettaq vjolenza fuq in-nisa

Aqra wkoll

Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE), bħala l-korp nazzjonali responsabbli mill-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, esprimiet t-tħassib tagħha dwar sistema tal-Qrati li saħqet li “qiegħda potenzjalment tipperikola l-ħajja u l-benesseri tan-nisa” billi ripetutament tagħti l-libertà proviżorja lil min allegatament wettaq vjolenza fuq n-nisa. 

Riċentement, raġel li għandu sensiela ta’ kawżi quddiem il-Qorti b’akkużi ta’ vjolenza fuq in-nisa, inkluż l-attentat ta’ qtil ta’ żewġ tfajliet, ingħata l-libertà proviżorja ripetutament, minkejja li qed jiffaċċja wkoll kawża separata fejn huwa allegat li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja. 

“Sfortunatament, dan mhuwiex każ iżolat. Persuni b’imġiba vjolenti qed jingħataw il-libertà proviżorja mingħajr ma qed tingħata konsiderazzjoni biżżejjed għad-dannu li jistgħu jikkawżaw lill-vittmi u lill-familji tagħhom, u potenzjalment lil persuni oħra, b’mod partikolari lil dawk li jinsabu f’sitwazzjonijiet ta’ vulnerabbiltà,” qalet l-NCPE.

Filwaqt li l-Kummissjoni rrikonoxxiet li prinċipju fundamentali tas-sistema tal-Qrati huwa li kull persuna hija meqjusa innoċenti sakemm tinstab ħatja, għandha tingħata wkoll kunsiderazzjoni dovuta lid-dritt għall-ħajja u għall-benesseri ta’ persuni oħrajn .

“Barra minn hekk, din il-problema hija parzjalment aggravata mit-tul eċċessiv tal-proċedimenti quddiem il-Qrati, li jista’ jwassal biex persuni jiffaċċjaw diversi kawżi pendenti mingħajr ma tkun ingħatat deċiżjoni finali. Il-Gvern għamel sforzi f’dawn l-aħħar snin biex jaħtar aktar imħallfin u maġistrati. Madankollu, għandhom jiġu allokati aktar riżorsi sabiex il-kawżi jiġu konklużi fi żmien raġonevoli; il-każijiet fejn l-allegata vittma tista’ tkun f’periklu  imminenti għandhom jingħataw prijorità; u għandu jsir użu minn tagħmir elettroniku ta’ monitoraġġ (electronic tagging) fi stadju bikri tal-proċedimenti.”

“Il-prosekuzzjoni ta’ każijiet ta’ vjolenza kontra n-nisa, il-protezzjoni mogħtija mill-Qrati lill-vittmi, u t-twettiq tal-ġustizzja f’dawn il-każijiet, waħedhom mhumiex biżżejjed biex tinqered il-vjolenza abbażi tal-ġeneru, realtà li għandha għeruq fondi f’soċjetà u kultura patrijarkali. Madankollu, dawn il-miżuri jibqgħu essenzjali biex jipprovdu protezzjoni u serħan il-moħħ lill-vittmi, u biex jibagħtu messaġġ ċar li din it-tip ta’ vjolenza m’għandha l-ebda post fis-soċjetà tagħna,” qalet l-NCPE. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport