Jinstab ħati li ta n-nar ‘low-loader’ tal-aħwa Said f’Għawdex

Aqra wkoll

Raġel ta’ 43 sena residenti x-Xewkija nstab ħati mill-Maġistrat Jean Paul Grech li fit-30 ta’ Ġunju tal-2024 kien ta n-nar ‘low-loader’ li hu proprjetà tal-aħwa Said magħrufa aħjar bħala “Tal-Ganga”.

Il-Qorti wara li sabet lill-imputat ħati kkundannatu sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin kif ukoll multa ta’ €3,578. Il-każ kellu l-bidu tiegħu nhar it-30 ta’ Ġunju ta’ sentejn ilu, bejn is-1.00 a.m. u l-5.00 a.m. fi Triq ta’ Bwier, f’Għajnsielem.

Jirriżulta li dakinhar tal-każ il-Pulizija kienet rċeviet telefonata mingħand Carmelita Zahra fejn din infurmathom li kien hemm nirien fuq low-loader trailer ipparkjat fi Triq ta’ Bwier, Għajnsielem, Għawdex.

Il-Pulizija marru immedjatament fuq il-post fejn sabu lill-membri tal-Protezzjoni Ċivili jitfu n-nirien li kienu ħakmu n-naħa ta’ wara tal-low-loader trailer, preċiżament fil-parti fejn kien hemm ir-roti. Fuq il-post kien hemm preżenti Josef Said li ddikjara li l-imsemmi trailer kien ilu pparkjat hemmhekk għal xi xahar jew aktar, u li l-aħħar darba li kien rah kien madwar tlett ijiem qabel. 

Huwa ddikjara wkoll li ma kien qiegħed jissuspetta f’ħadd għal dak li kien seħħ, iżda indika li fil-viċinanzi seta’ kien hemm xi kameras tas-sigurtà li setgħu jgħinu lill-Pulizija fl-investigazzjonijiet tagħhom.

Preżenti fuq il-post kien hemm ukoll Peter Paul Said, li jiġi ħu Josef Said u proprjetarju miegħu tal-inġenji tal-kostruzzjoni. Peter Paul Said stqarr li wara dan il-ħruq seta’ kien hemm l-istess persuna li aktar kmieni matul dak l-istess lejl kien ħarrablu ż-żwiemel li aktar tard instabu jiġru fil-pjazza tan-Nadur.

Fuq il-post kien mar wkoll l-Ispettur Keith Xerri. Peress li minn stħarriġ preliminari li għamlu l-Pulizija kien hemm indikazzjonijiet li kienu jissuġġerixxu li l-ħruq seta’ kien wieħed doluż ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa li ordnat il-ftuħ ta’ inkjesta maġisterjali b’rabta ma’ dan il-każ. 

Ġew infurmati wkoll l-Arsons Unit fi ħdan it-Taqsima tar-Reati Maġġuri tal-Pulizija u fuq il-post tħalla fixed point.

Wara investigazzjonijiet estensivi mwettqa mill-Arsons Unit, ġiet identifikata vettura tal-għamla Mitsubishi ta’ lewn aħmar li allegatament ġiet użata f’dan tar-reat. Minn investigazzjonijiet ulterjuri rriżulta li din il-vettura kienet reġistrata fuq l-imputat Joseph Debono.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qalet li mill-provi prodotti ħareġ li dakinhar tat-30 ta’ Ġunju 2024 għall-ħabta tat-3.00 a.m., low-loader li irriżulta li kien jappartjeni lil Peter Paul Said kien ħa n-nar. Dan ġie konfermat mix-xhieda ta’ Carmelita Zahra u r-raġel tagħha Frankie Azzopardi. Peter Paul Said sostna li dan il-low-loader kien ilu hemm parkeġġjat għal tul ta’ żmien. Josef Said, ħu Peter Paul Said, indika li huwa kien għadda mill-inħawi xi ġranet qabel u li l-istess low-loader kien għadu intatt.

“Din il-Qorti m’għandhiex raġuni biex tiddubita li l-ħruq li seħħ  kien wieħed doluż. Dan abbażi tal-konklużjonijiet raġġunti mill-espert David Borg Saydon nominat fil-kors tal-inkjesta maġisterjali li saret b’rabta ma’ dan il-każ propju sabiex jinvestiga l-kawża tal-ħruq. 

“Mill-analiżi tiegħu huwa kkonkluda li l-punt oriġinali tan-nar kien lokalizzat fuq in-naħa ta’ wara tal-low-loader. Spjega li t-tyres tal-lastiku li kellu l-low loader ma setgħux jitqabbdu b’sulfarina jew inkella sempliċi lighter u li bil-fors ried jintuża ammont mhux żgħir ta’ aċċellerant biex dan itella’ t-temperatura u b’hekk it-tyres jkunu jistgħu jieħdu n-nar. Borg Saydon kompla jgħid li minn testijiet li għamel huwa kien sab traċċi ta’ idrokarburi. Fil-fehma tiegħu din kienet indikazzjoni li sustanzi bħall-petrol u diesel kienu intużaw biex tqabbad in-nar. 

“L-espert indika wkoll kif fuq in-naħa ta’ barra (ċioe n-naħa tat-triq) l-ħruq kien aktar estensiv milli fuq in-naħa ta’ ġewwa (in-naħa tal-ħajt tal-għalqa li biswitha kien parkeġġjat il-low-loader). Dan kien jindika li aktar kien intefa’ aċċellerant fuq in-naħa tat-triq milli fuq in-naħa ta’ mal-ħajt.

“Stabbilit li l-ħruq kien wieħed doluż, din il-Qorti trid tgħaddi sabiex tevalwa jekk abbażi tal-provi prodotti hija tistax tikkonkludi jekk kienx tabilħaqq l-imputat li kebbes dan in-nar,” inikteb fis-sentenza.

Wara li l-Qorti fliet il-provi prodotti, hija konvinta li l-imputat kien l-awtur tar-reat u li sabiex wettaq l-istess reat huwa għamel użu mill-vettura li hija reġistrata fuq ismu. Il-Pulizija waslu għal din il-vettura u għall-imputat minn investigazzjoni dettaljata li huma għamlu u wara li għaqqdu ma’ xulxin sensiela ta’ provi. Dan hekk kif ġie spjegat u konfermat tul is-smiegħ ta’ din il-kawża.

Infatti mill-provi prodotti ħareġ kif minn kamera tas-sigurta li kienet tinsab ftit metri ‘l bogħod minn fejn kien hemm il-low-loader ipparkjat, deher pick-up għaddej bid-dawl mixgħul fis-2.30am. Dan imbagħad deher jieqaf għal erba’ minuti u minn kamera tas-sigurtà oħra deher jerġa’ jibda jsuq bid-dawl mitfi fis-2.34am. Kamera tas-sigurtà oħra indikat vann ta’ lewn abjad tal-Connect jaqbeż il-pick-up u jibqa’ sejjer. Wara li saret din il-manuvra, ma għaddiet l-ebda vettura oħra sakemm il-pick-up deher jitlaq bid-dawl mitfi. Minuta wara li l-pick-up telaq deher in-nar fejn kien il-low-loader. Minn dan kollu l-Pulizija rnexxielha tikkonkludi li l-persuna involuta kienet għamlet użu minn pick-up. Dan kien l-ewwel element ta’ prova importanti li rnexxielha tikseb il-Pulizija.

Il-Pulizija flimkien mal-espert nominat fl-inkjesta maġisterjali kompliet tidentifika kameras li setgħu ħadu filmati pertinenti għall-każ u tanalizza l-istess filmati. Grazzi għal dan l-eżerċizzju il-Pulizija waslet sabiex identifikat ir-rotta li ħa l-pick-up wara li tqabbad in-nar. Infatti ġie konfermat kif il-pick-up għadda fejn hemm il-bażi tac-CPD, kiser ġo Triq l-Imġarr, Għajnsielem fejn ir-roundabout tal-heliport, għadda minn ħdejn l-Universita’, kiser lejn in-naħa tal-NGO Centre fejn iċ-ċimiterju tar-Rabat u minn hemm baqa’ sejjer lejn Ta’ Ħamet. Mill-filmat tal-NGO Centre, il-Pulizija rnexxielha tistabilixxi li l-pick-up kien tal-għamla Mitsubishi, kien ta’ lewn aħmar skur jew maroon u kellu diversi punti karatteristiċi distintivi, fosthom step-bar fuq iż-żewġ naħat, head-rest imtaqqba, arches suwed, rimijiet tal-aluminju u pajpijiet fil-gabina tat-trakk.

Minn fejn ta’ Ħamet, il-Pulizija ma setgħux jiddeterminaw liema direzzjoni seta’ ħa t-trakk. Dan allura ġiegħel lill-Pulizija jmorru lura u jinvestigaw ir-rotta li seta’ ħa l-pick-up qabel sar ir-reat. Minn analiżi ta’ filmati ta’ aktar cameras li ġew identifikati, il-Pulizija rnexxielhom jistabilixxu li l-istess pick-up suspettuż kien ħareġ minn razzett fi Triq Cordina, Għajnsielem fis-2.30am, baqa’ sejjer fid-direzzjoni tal-low-loader, u wara l-inċident irritorna lejn l-istess razzett.

Minn aktar stħarriġ ġie konfermat li din il-vettura kienet qed tkun f’dan ir-razzett u li din kellha n-numru tar-reġistrazzjoni li allegatament twettaq il-każ biha. 

Metaimbagħad il-Pulizija esegwew il-mandat ta’ arrest u tfittxija u ġie elevat l-istess pick-up trakk, dan kellu l-istess karatteristiċi distintivi tal-pick up li dehru fil-filmati li kienu ġew eżaminati. Aktar minn hekk l-istess imputat waqt l-istqarrija tiegħu lill-Pulizija meta kien muri l-istill tal-proċess li kien juri t-trakk tal-għamla pick-up fir-razzett fi Triq Cordina (ċioe l-istess post minn fejn kien telaq il-pick-up dakinhar li seħħ ir-reat), huwa indika li dak il-pick-up trakk jagħmel użu minnu hu, martuu ġieli anke ħutu.

L-imputat inniffsu fid-dikjarazzjonijiet spontanji li huwa għamel lill-Pulizija fit-traġitt tiegħu mill-Għarb lejn l-Għassa wara li kien ġie arrestat fejn ammetta li ħaraq il-low-loader bħala azzjoni ta’ tpattija lil Peter Paul Said.

“Kwantu għat-tielet argument tad-difiża, il-Qorti tirrileva li l-Pulizija ma waslitx għall-imputat sempliċiment għaliex hu għandu trakk b’karatteristiċi speċifiċi. L-eżerċizzju li għamlu l-Pulizija fl-investigazzjonijiet tagħhom mar oltre minn hekk: il-Pulizija identifikaw il-karatteristiċi speċifiċi tat-trakk u tramite rikostruzzjoni minn fejn kien għadda t-trakk dakinhar waslu biex jistabilixxu li dan it-trakk kien telaq minn lok partikolari f’Għajnsielem. 

“L-istess trakk deher fl-istess lok minn fejn telaq dakinhar li seħħ il-każ u l-Pulizija stabbilew li dan it-trakk kien jgħajjat lill-imputat. Dan ifisser li l-kwistjoni tal-karatteristiċi distintivi ma kinitx prova iżolata; għall-kuntrarju, din kienet parti mill-katina ta’ provi li magħduda flimkien, wasslu lill-Pulizija sabiex jidentifikaw lill-imputat…”

Argument ieħor li tqajjem mid-difiża biex tipprova tinnewtralizza l-każ tal-Prosekuzzjoni huwa li l-low-loader involut ma ġiex identifikat b’mod adegwat u lanqas ma saret il-prova ta’ lil min jappartjeni l-istess.

“Il-Qorti ma tifhimx għaliex id-difiża ħarġet b’dan l-argument li l-loader ma ġiex identifikat b’mod adegwat. Fil-każ kollu dejjem issemma’ low loader wieħed. Huwa minnu li ġew indikati snin differenti għall-manifattura tiegħu. Pero ma jeżisti l-ebda dubju dwar il-low-loader li inħaraq. Tressqu xhieda okulari li rawh jaqbad. Apparti minn hekk kemm xhieda jindikaw isem il-kumpanija Nooteboom bħala l-manifatturatriċi tal-low loader, liema kumpanija tissemma’ wkoll fid-dokument tal-proċess. Ix-xhud anke jindika n-numru ta’ riferenza li kien hemm fuq il-pjanċa li kienet imwaħħla mal-loader. Wieħed irid iqis wkoll li l-low-loader ma jkunx reġistrat bħala vettura ma’ Transport Malta peress li dan dejjem jeħel ma’ żiemel mekkaniku biex jinġibed. Allura r-rappreżentant ta’ Transport Malta ma seta qatt jixhed fuq ir-reġistrazzjoni tiegħu.

Il-Qorti lanqas ma tista’ tifhem l-argument tad-difiża li ma saritx il-prova dwar lil minn jappartjeni l-istess low-loader. Id-difiża donna tinsa li Peter Paul Said ħa l-pedana tax-xhieda u kkonferma kif huwa s-sid tal-low-loader li tqabbad. Apparti minn hekk hemm ix-xhieda wkoll ta’ Frankie Azzopardi, wieħed mix-xhieda okulari li ra l-low-loader jaqbad. L-ewwel ħaġa li għamel dan ix-xhud kien li ċempel lil Josef Said biex jinfurmah dwar il-każ, għax kien konxju li l-familja Said kellha konnessjoni ma’ dan il-low-loader.

Anke li kieku għall-grazzja tal-argument ma rriżultax b’ċertezza min hu s-sid tal-low-loader, dan ma jwassalx biex tiġi newtralizzata l-ewwel imputazzjoni. L-imputazzjoni mhijiex marbuta ma’ Peter Paul Said waħdu; anzi wara isem Peter Paul Said l-imputazzjoni tkompli: “u/jew persuni oħra u/jew entitajiet oħra.” Dan l-argument għalhekk wkoll qed jiġi respint.

“Finalment, id-difiża fis-sottomissjonijiet finali tagħha terġa’ tipprova tagħmel aċċenn għall-inammissibilità tad-dikjarazzjonijiet li għamel l-imputat fl-okkażżjonijiet meta huwa kien fil-vettura tal-Pulzija. Din il-Qorti però ġia tat id-deċiżjoni tagħha f’dan ir-rigward u assolutament m’hemmx lok li din il-kwistjoni terġa’ tiġi trattata mill-ġdid f’din is-sentenza.

“Verament li m’hemmx filmati li juru lill-imputat jagħti n-nar lil-low loader. Però ġew prodotti provi ċirkustanzjali b’saħħithom li magħdudin flimkien jippuntaw lejn konklużjoni waħda: dik li kien l-imputat li ta n-nar lil-low loader u li sabiex wettaq dan ir-reat huwa għamel użu mill-vettura msemmija. Dan kollu sab wkoll konferma f’dak li l-imputat stqarr volontarjament mal-Pulizija,” tgħid il-Qorti fis-sentenza tagħha.

Kien għal dawn ir-raġunijiet fost oħrajn li l-Qorti sabet lill-imputat ħati tal-akkużi kontrih.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Joseph Camilleri Azarov mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali u mill-Ispetturi Keith Xerri u Mario Xiberras filwaqt li Dr Mario Scerri.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport