IL-KONNETTIVITÀ KRUĊJALI GĦAL PAJJIŻNA

Aqra wkoll

Ir-rekord, wieħed wara l-ieħor, li pajjiżna laħaq fis-settur tat-turiżmu jixhed kemm it-tisħiħ tal-konnettività ta’ Malta ma’ pajjiżi oħra partikolarment dawk Ewropej, qed iħalli r-riżultati mixtieqa. L-isforzi biex tikber il-konnettività baqgħet għaddejja bla waqfien tant li ftit tax-xhur ilu, waslet Malta l-ewwel titjira direttament tad-Delta Airlines minn New York, fl-Istati Uniti. Dan l-aħħar żvilupp se jippermetti wkoll biex Maltin li kienu emigraw lejn il-Kanada u l-Istati Uniti se jkollhom aċċess eħfef u dirett fil-pjanijiet tagħhom li jerġgħu jżuru l-pajjiż fejn twieldu.

Dan kollu huwa kruċjali biex it-turiżmu li huwa pilastru ewlieni għall-ekonomija Maltija jkompli jirreġistra aktar riżultati pożittivi. Fil-qalba tal-konnettività hemm l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Tant hu hekk li fl-ewwel nofs ta’ din is-sena, diġà għaddew aktar mill-ajruport aktar minn 5.2 miljun passiġġier. Dan ifisser żieda ta’ 15.6% fuq l-istess perjodu tas-sena li għaddiet. 

Dawn ir-riżultati qegħdin jinkisbu wkoll bil-ħidma sfiqa ta’ diversi entitajiet li qed jagħmlu minn kollox biex jirreklamaw lil pajjiżna bl-aħjar mod lil hinn minn xtutna. U hawn insemmu s-suċċess li qed tikseb minn sena għal oħra l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu biex tattira turiżmu, anke ta’ kwalità, lejn pajjiżna, billi tippromwovi l-wirt kulturali u storiku imprezzabbli li għandna f’dawn il-gżejjer. Dan kollu juri li l-isforzi li qed isiru mhumiex għalxejn imma huma fid-direzzjoni t-tajba. 

Fil-frattemp, meta nitkellmu fuq konnettività, ma rridux infissru biss dik li Malta għandha ma’ pajjiżi oħra Ewropej u lil hinn, imma wkoll inkunu qed nifhmu għal konnettività bejn iż-żewġ gżejjer Maltin. Dan bil-għan li t-tisħiħ tal-konnettività jkun wieħed ħolistiku li jinkludi wkoll il-gżira Għawdxija. 

Billi Malta hi mdawra bil-baħar, il-konnettività bl-ajru u bil-baħar huma importanti jekk mhux kruċjali għas-settur turistiku f’pajjiżna. Settur li qed jiġġenera l-miljuni fl-ekonomija Maltija. Kif huwa importanti wkoll li l-Gvern jibqa’ jsostni dan il-qasam biex jasal dak iż-żmien li pajjiżna jidħol f’aktar swieq, partikolarment dawk fejn pajjiżna għadu mhux popolari biżżejjed.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport