Thursday, April 23, 2026

Donald Trump u Papa Ljun XIV 

Aqra wkoll

Ċertissimu li b’xi mod taf bil-‘polemika’ li l-President Amerikan Donald Trump ħoloq mal-Papa Ljun XIV. Il-President Amerikan tqis mill-maġġoranza tal-popli li aġixxa b’mod arroganti. Bi ksuħat. Prova jirredikola lill-Kap tal-Knisja Kattolika li wara kollox huwa wkoll Kap ta’ Stat. Nasal biex ngħid li Donald Trump urta bil-kbir lill-Kattoliċi. Trump aġixxa b’dan il-mod sempliċiment għax il-Papa tkellem kontra l-gwerer, jagħmilhom min jagħmilhom. Tkellem favur il-paċi. Tkellem favur min  qiegħed isofri innoċentement. Tkellem kontra l-imwiet. Kontra l-qerda. Il-Papa għamel dan kollu bi prudenza. B’kawtela. B’loġika.

Ma tistennix mod ieħor minn Mexxej ta’ Knisja bħalma hija l-Knisja Kattolika. Imma jekk tqis kollox ma’ kollox issib, fl-opinjoni tiegħi, li għal Trump la darba tieqaflu, la darba ma taqbilx miegħu, allura lesti ruħek. Lesti ruħek biex jipprova jirredikolak. Jipprova jgħaddi minn fuqek. 

Ngħid hekk għax Trump m’aġixxix bil-mod kif aġixxa fil-konfront tal-Papa Ljun XIV biss. Aġixxa bl-istess mod fil-konfront ta’ kull min ma tħallix jitmexxa minn imnieħru. L-ewwel Prim Ministru Ewropew li ffaċċja l-arroganza ta’ Trump jidhirli li kien il-Prim Ministru Spanjol Pedro Sanchez li kien l-ewwel Prim Ministru Ewropew li qal LE lil Trump għall-użu ta’ bażijiet militari fi Spanja biex jintużaw b’xi mod fil-gwerra li Trump ħoloq mal-Iran. Wara tali deċiżjoni mill-Prim Ministru Spanjol segwew Prim Ministri oħrajn.

U fil-konfront ta’ kull wieħed minnhom Trump aġixxa bl-istess tattika: jhedded u jipprova jirredikola. Affarijiet li ma tistennihom minn ħadd aħseb u ara minn Kap ta’ pajjiż  bħalma hija l-Amerika. Imma għal Trump japplika biss il-prinċipju might is right. Li kien għalih Trump iniżżel lid-dinja għarkuptejha quddiemu.

Imma lura għall-episodju Trump/Papa Ljun XIV. X’differenza ta’ attitudni, ta’ imġieba, bejn wieħed u l-ieħor. X’differenza fil-modi ta’ kif jitkellem wieħed u kif jitkellem l-ieħor! Wieħed jitkellem u jhedded kif se jirrendi lil ġenerazzjoni sħiħa f’infern, f’qerda, f’tifrik u l-ieħor jitkellem dwar il-paċi. U għax il-Papa tkellem dwar il-paċi, bħal donnu għandek tistenna xi ħaġa differenti minn hekk  mingħandu, allura jiffaċċja ż-żebliħ, il-minaċċja u t-tgħajjir.

Fl-opinjoni umli tiegħi Donald Trump mhux talli ma rnexxielux jumilja lill-Papa Ljun XIV, talli rnexxielu biss jumilja u jirredikola LILU NNIFSU u konsegwenzjalment lil superpotenza bħalma hija l-Amerika. Possibbli li Trump għadu ma rrealizzax li t-teatrini u t-tgħawwiġ tal-ħalq huma tajbin biss għal fuq il-palk?

[email protected]

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport