Quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech, żagħżugħ ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li ġie akkużat mill-Pulizija li kkorrompa persuna taħt is-16-il sena.
Jirriżulta li l-każ seħħ f’Għawdex meta l-imputat li hu maġġorenni kein f’relazzjoni mal-minuri.
Meta imbagħad intemmet ir-relazzjoni, il-vittma flimkien ma’ ommha marru jagħmlu rapport mal-pulizija fejn allegat li l-akkużat ikkorrompiha.
L-akkużat ċaħad l-akkużi kollha kontrih.
L-avukat tad-difiża Frank Anthony Tabone talab għall-ħelsien mill-arrest fejn qal li l-att kien kunsenswali, li r-rapport sar wara li l-koppja ma baqgħetx flimkien, u li l-provi huma diġà ppreservati fl-inkjesta, u għalhekk ma hemmx riskju ta’ tfixkil tal-provi.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest fejn qalet li baqa’ ħafna xhieda li għad iridu jixhdu u l-investigazzjoni għadha għaddejja.
Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest bil-kundizzjoni li ż-żgħażugħ jiffirma tliet darbiet fil-ġimgħa fl-għassa tal-pulizija, jiddepożita s-somma ta’ €1,500 u jippreżenta garanzija personali ta’ €3,500.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Mario Xiberras flimkien mal-Avukati Mirayah Borg u Miguel Taliana f’isem l-Avukat Ġenerali.
L-Avukati Arthur Azzopardi u Frank Anthony Tabone mexxew id-difiża.


