Thursday, December 26, 2024

“Donne Verticali”: Ktieb Taljan xprunat mill-kultura Maltija

Aqra wkoll

Xi mdaqqiet kuntest u xenarju ġdid huwa dak kollu li wieħed ikollu bżonn biex jiskopri elementi ġodda f’ħajtu. Dan huwa l-każ ta’ Marzia Cipollone, riċerkatriċi Taljana bbażata f’pajjiżna li sabet kenn fl-ilwien, il-kultura, u għaliex le il-kontradizzjonijiet, li jispikkaw f’pajjiżna biex tibda vjaġġ letterarju li kellu jwassalha biex tippubblika “Donne Verticali”, ġabra ta’ stejjer b’laqta personali.

Filwaqt li l-ktieb huwa miktub fil-lingwa nattiva tagħha – it-Taljan, Marzia Ci. temfasizza l-importanza u l-influwenza li pajjiżna kellu f’ħajjitha u fil-vjaġġ li wassalha għall-ġabra ta’ 19-il storja li l-għan ewlieni tagħhom huwa li titkisser il-viżjoni arkajka ta’ kif wieħed iħares lejn il-mara u r-rwol tagħha fis-soċjetà minkejja s-soċjetà liberali li tikkaratterizza kull aspett ta’ ħajjitna.

Marzia ilha għal dawn l-aħħar seba’ snin tirrisjedi f’pajjiżna, u ironikament tgħid li d-diżorjentazzjoni, il-konfużjoni kulturali u solitudni li esperjenzat fl-ewwel perjodi f’pajjiżna wassluha biex tiskopri aspetti differenti tal-ħajja f’pajjiżna. Dan filwaqt li ġiegħluha tiskopri fiha nfisha affarijiet ġodda x’setgħet twettaq.

Permezz tal-ġabra letterarja, hija tkompli tiddeskrivi kif il-biża’ tal-bidu nbidel f’faxxinu u ġibda lejn dik li hija ssejjaħ bħala salib it-toroq ta’ lingwi u kultura.

Marzia tisħaq li Malta kien il-post ideali għaliha biex tiskopri mill-ġdid aspetti minsijin f’ħajitha, fosthom il-letteratura, il-filosofija u l-kitba … aspetti li kienet sfurzata twarrab għal snin sħaħ minn ħajjitha meta kienet tgħix fl-Italja.

“Donne Verticali” se jkun disponibbli fi ħwienet tal-kotba lokali, u anke onlajn. Dan filwaqt li diversi kopji se jkunu qed jitqassmu wkoll lil-libreriji pubbliċi lokali.

Ekonomija

Sport