Fil-Palazz Presidenzjali l-Belt, ħadu l-ġurament tal-ħatra l-imħallfin ġodda Doreen Clarke u Josette Demicoli.
Iċ-ċerimonja kienet preseduta mill-President ta’ Malta George Vella u preżenti kien hemm ukoll il-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard u l-Prim Imħallef Mark Chetcuti.
F’diskors tal-okkażjoni, il-President Vella qal li l-poplu Malti se jkun qed iserraħ fuq l-għaqal u d-dehen tal-imħallfin ġodda biex tkompli titħares il-Kostituzzjoni, il-liġijiet, kif ukoll l-interessi ta’ kull persuna.
Filwaqt li fisser din l-okkażjoni bħala importanti ħafna għall-ġustizzja u għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt f’Malta, il-President Vella qal li ż-żewġ imħallfin għandhom esperjenza twila u pożittiva bħala maġistrati.
“Bħala ġudikanti nisa, intom tafu tkunu ta’ eżempju, role model, għal bosta tfajliet u studenti nisa u ta’ ispirazzjoni għalihom biex jieħdu l-istess passi għal karriera ta’ suċċess u siewja għas-soċjetà, bħalkom,” stqarr il-President filwaqt li fakkarhom biex ikunu mmexxija dejjem minn sens ta’ responsabbiltà, professjonalità, imparzjalità u integrità.
Fil-kummenti tagħha, l-Imħallef Josette Demicoli qalet li tħossha onorata li ġiet fdata f’din il-kariga li ġġorr magħha ħafna piż u responsabbiltà. Hija fakkret kif meta 11-il sena u tmien xhur ilu kienet ħadet il-ġurament biex isservi bħala maġistrat, dak iż-żmien kienet qalet li l-kariga tqisha bħala servizz li għandha tagħti lill-poplu Malti u kull min jinġieb quddiemha iżda wkoll bħala piż fuq spallejha.
Qalet li llum il-ġurnata wara tant snin ta’ ħidma u sagrifiċċji personali, għadha tal-istess fehma. “Inwiegħed li bħalma għamilt f’dawn is-snin preċedenti, nibqa’ naħdem b’dedikazzjoni kbira u b’lealtà lejn il-ġurament li għadni kif ħadt,” tenniet l-Imħallef Demicoli.
Min-naħa tagħha, l-Imħallef Doreen Clarke qalet li l-Imħallfin, il-Maġistrati u l-ġudikanti jokkupaw rwol ċentrali fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja li tirrikjedi imparzjalità, integrità, onestà u anke effiċjenza.
Enfasizzat li: “fis-16-il sena li ili fil-kariga ta’ Maġistrat, għext il-piż u anke s-sagrifiċċju li tirrikjedi l-kariga tagħna. Illum, nagħmel l-istess wegħda li għamilt 16-il sena ilu dik li mhux biss naqdi d-doveri tiegħi b’lealtà lejn il-kostituzzjoni u l-prinċipji tal-ġustizzja u b’imparzjalità imma nkompli nimpenja ruħi b’mod sħiħ fil-qadi tad-doveri tiegħi.
Fil-kummenti tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-valuri li l-aktar jispikkaw fiż-żewġ Imħallfin ġodda huma r-rettezza, is-serjetà tagħhom u kemm huma ħabrieka f’xogħolhom. Qal li biż-żieda tagħhom, il-bank tal-ġudikatura kompla jissaħħaħ kif tassew jixraqlu.
“Bħalissa hemm sejħa miftuħa għal erba’ Maġistrati ġodda. Ir-riżorsi meħtieġa l-Gvern qed jallokahom. Għalhekk l-effiċjenza trid tiżdied ukoll biex iċ-ċittadin jinqeda aħjar,” tenna l-Prim Ministru Robert Abela.