Monday, May 13, 2024

Dr Therese Bajada tinħatar Chairperson tal-Kunsill għas-Sigurtà fit-Toroq

Aqra wkoll

Il-Gvern ħabbar uffiċjalment il-ħatra ta’ Dr Therese Bajada bħala ċ-Chairperson il-ġdida tal-Kunsill għas-Sigurtà fit-Toroq, li se sservi bħala s-suċċessur ta’ Pierre Vella f’dan l-irwol.

Din it-tranżizzjoni tasal f’mument kruċjali hekk kif il-Gvern joqrob lejn it-tlestija ta’ proċess leġiżlattiv li se jistabbilixxi formalment il-pożizzjoni legali tal-Kunsill.

Permezz ta’ avviż legali li se jkun ippublikat, se jkun introdott qafas leġiżlattiv robust, li jistabbilixxi pedament sod għall-operazzjonijiet u l-inizjattivi tal-Kunsill taħt it-tmexxija l-ġdida.

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia estenda l-gratitudni tiegħu lis-sur Vella għall-kontribut siewi tiegħu fil-Kunsill.

Dr Bajada, ġeografu speċjalizzata fil-qasam tat-trasport b’PhD fl-Istudji tat-Trasport mill-University College f’Londra, hija wkoll senior lecturer fl-Istitut għall-Klima u l-Iżvilupp Sostenibbli. Ir-riċerka tagħha tiffoka fuq il-politika u l-ippjanar tat-trasport, partikolarment f’oqsma bħas-sigurtà fit-toroq, it-trasport pubbliku, u l-mobilità sostenibbli. Fl-2010, hija serviet fi Transport Malta, fejn mhux biss ħadmet fuq diversi proġetti nazzjonali u reġjonali, iżda kienet tiffoka wkoll fuq il-proċessar tad-data dwar il-korrimenti mill-inċidenti fit-toroq.

Sport