Gzira United …….0
Marsaxlokk ………0
Minn Cristian Muscat
F’partita medjokri u kkaratterizzata minn ħafna logħob f’nofs il-ground, Gzira United u Marsaxlokk spiċċaw fi draw ta’ mingħajr goals, f’konfront li fih irrenja bilanċ assolut hekk kif iż-żewġ settijiet ta’ players ma taw l-ebda ċans lil xulxin jimmanuvraw.
Iż-żewġ timijiet kellhom il-waqtiet pożittivi tagħhom iżda naqsu milli jkunu inċiżivi u naqsu milli jkunu avventurużi.
Fil-veritá, dan il-konfront kien ta’ formalitá u mingħajr l-ebda interess minkejja li r-rebbieħ kien jitla’ fil-quċċata tal-Bottom Six.
Anke jekk għandu bosta fatturi pożittivi, il-format ta’ dan il-kampjonat joqtol l-inizjattivi għal dawk it-timijiet li ma jikkwalifikawx mat-Top Six … ħlief għal dawk it-timijiet li jkunu qed jiġġieldu għas-salvazzjoni.
Marsaxlokk kellhom lill-captain Ryan Scicluna sospiż, waqt li l-Maroons kellhom jgħaddu mingħajr is-servizzi ta’ Jurgen Pisani u Joseph Minala b’dan tal-aħħar qed jirkupra minn injury fl-adductor.
Kien biss fit-23 minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota bi Gzira jkunu huma li joħolqu l-periklu meta Thiago Espindola kellu free-kick insidjuż li ġie salvat f’corner b’diffikultá mill-goalkeeper ta’ Marsaxlokk, Marko Drobnjak.
Ix-Xlukkajri wieġbu fil-35 minuta meta xutt ta’ Nikolai Muscat minn tarf il-kaxxa ġie devjat minn difensur u salvat mill-goalkeeper veteran Justin Haber.
L-azzjoni sussegwenti waslet biss fit-63 minuta min-naħa ta’ Marsaxlokk li resqu ferm viċin, meta minn azzjoni ta’ free-kick, Lucas Emanuel Lopez, kellu d-daqqa ta’ ras mill-viċin tistampa ma’ sieq il-wieqfa.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u fit-80 minuta, cross-shot insidjuż ta’ Jose Ulises Arias ġie salvat minn Haber.
Gzira wieġbu fid-89 minuta meta Thaylor Aldama kellu xutt fil-baxx mid-distanza devjat f’corner.
L-iskor baqa’ ma nbidilx biż-żewġ timijiet jieħdu punt kull wieħed.
GZIRA U.: 16-Justin Haber, 3-Gabriel Bohrer Mentz, 5-Enrico Pepe, 6-Andrew Borg, 7-Thaylor Aldama, 8-Zachary Scerri, 9-Marcelo Dias, 14-Luis Carlos Riascos, 20-Alex Da Paixao Alves (99-Leon Borg 91), 27-Brookyln Borg (19-Manuel De Filippis 79), 93-Thiago Espindola – Coach: Giovanni Tedesco
MARSAXLOKK: 95-Marko Drobnjak, 4-Karl Micallef, 6-Nikolai Muscat, 8-Jake Ghio (15-Samuel Cassar 86), 17-Jacob Walker (18-Aiden Barbara 75), 19-Jose Ulises Arias, 21-Jai Quitongo, 22-Lucas Emanuel Lopez, 23-Alex Gomes De Aguilar, 24-Enmy Manuel Pena Beltre, 27-Leandro Aguirre – Coach: Vincenzo Potenza
REFEREE: Alex Johnson
ASS. REFEREES: Mark Ciantar, Jareth Grima
RABA’ UFF: Fyodor Zammit
SKORERS: Ħadd
AMMONITI: E. Pepe, Z. Scerri, B. Borg, M. Dias, A. Da Paixao Alves (G), J. Ghio (M)