L-attakkant ta’ Napoli Dries Mertens saħaq li ma jridx iħalli lill-club fi tmiem l-istaġun.
Il-player ta’ 34 sena bħalissa għandu jsir free agent fi żmien ftit aktar minn sitt xhur u ġie marbut ma’ trasferiment ma’ Arsenal u Tottenham Hotspur.
Napoli għandhom l-għażla li jestendu l-kuntratt ta’ Mertens sas-sajf tal-2023, u l-internazzjonali tal-Belġju ‘jittama’ li jara dik il-klawsola tiġi eżerċitata.
Mertens qal: “Jien ninsab kuntent ma’ Napoli. U onorat li nilgħab ma’ dan il-club.”
“Imbagħad it-team sejjer tajjeb, tant waslu plejers tajbin u llum jew għada jkolli nħalli l-club. Hemm klawżola ta’ tiġdid favur Napoli, nittama li tiġi eżerċitata, imbagħad naraw.”
Mertens sab ix-xibka għar-raba’ logħba konsekuttiva tas-Serie A waqt it-telfa ta’ 3-2 tas-Sibt kontra Atalanta u skorja total ta’ 141 goal u pprovda 87 assist fi 373 logħba għal Napoli mindu ngħaqad magħhom mingħand PSV fl-2013.