Tuesday, April 30, 2024

L-EDUKAZZJONI U T-TAGĦLIM TUL IL-ĦAJJA

Cressida Galea
Cressida Galea
Ekonomista

Aqra wkoll

F’pajjiż fejn ir-riżors ewlieni huwa n-nies tiegħu, l-edukazzjoni għandha tkun pilastru ewlieni li jikkontribwixxi sostanzjalment fil-ħolqien tal-ġid. Sabiex l-edukazzjoni tkun relevanti, jeħtieġ li tevolvi kontinwament u mhux biss tlaħħaq, iżda tagħmel ħilitha biex tkun pass ‘il quddiem miż-żminijiet.

L-isfida li kellha Malta meta kienet qed tesperjenza tkabbir ekonomiku bla preċedent, kienet dik li ssostni r-riżors uman u tattira l-aqwa talent fuq livell globali. Għalhekk il-gvern qed jaħdem biex jidentifika n-nuqqas ta’ ħiliet u b’hekk jindirizza l-iskills gap li qed jiġi esperjenzat fil-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Eżempju ta’ dan huwa fis-settur tat-teknologija diġitali, fejn qed naraw avvanzi kbar f’dan is-settur. Għalhekk huwa meħtieg li l-ħiliet tal-ħaddiema jimxu pari passu ma’ l-iżvilupp u l- kapaċitajiet u l- ħiliet jadattaw għall-bidliet fis-suq tax-xogħol. 

It-tagħlim tul il-ħajja huwa investiment kemm għas-soċjetà, kif ukoll għall-ekonomija tal-pajjiż. Minn aspett soċjali, it-tagħlim tul il-ħajja jħalli effetti pożittivi fuq is-saħħa, l-iżvilupp personali, l-inklużjoni soċjali, iċ-ċittadinanza attiva, u l-iżvilupp sostenibbli. Minn aspett ekonomiku, dan l–investiment  huwa ta’ benefiċċju għall-kumpaniji għaliex b’ħaddiema kompetenti, dawn jkunu jistgħu jtejbu l-kompetittività, il-produttività, l-innovazzjoni u l-profittabilità tagħhom. Dan jista’ jwassal għall-kompetizzjoni akbar fis-suq li jwassal tkabbir ekonomiku ogħla. 

Il-messaġġ li nixtieq inwassal huwa kemm hu importanti li nkomplu niffukaw u noħolqu possibilitajiet sabiex il-poplu jkompli jiġi mħarreġ anke waqt li qiegħed fis-suq tax-xogħol. Jekk insaħħu is-suq tax-xogħol, inkunu qegħdin insaħħu l-pożizzjoni ekonomika tal-pajjiż ukoll.

Sport