Sunday, December 22, 2024

DRITTIJIET

Aqra wkoll

Bid-deċiżjonijiet li l-imħallfin tal-Qorti Suprema Amerikana ħadu fl-aħħar ġimgħat se jkunu reġġgħu lura drittijiet ċivili li ilhom stabbiliti fil-pajjiż – tal-abort fuq quddiem nett, imma oħrajn ukoll li għandhom x’jaqsmu ma’ kif ċittadini Amerikani kienu jqisu li jgawdu xi protezzjoni soċjali.

Fuq il-front ta’ kontra l-abort dawn il-passi ntlaqgħu tajjeb ħafna, mhux l-anqas hawn Malta. Imma niddubita kemm fuq bażi tat-tul, hi effettiva strateġija ta’ ħidma politika li tara kif se tnaqqas jew tneħħi drittijiet ċivili li diġà huma stabbiliti. Personalment ma naqbilx magħha għax inqisha inġusta. Tħarbat il-ħajja ta’ nies li jkunu draw jgħixu skont dawn id-drittijiet.

Meta fil-Parlament Ewropew jiġu voti li jikkonċernaw l-abort nivvota b’mod
kalibrat differenti skont iċ-ċrkostanzi li jkunu tqajmu – b’rispett lejn il-fehma tal-elettorat Malti li naħseb għadha f’maġġoranza kontra l-abort. Biss, f’kull każ fejn tkun daħlet xi tneħħija ta’ dritt mogħti tal-abort nivvota kontra dit-tneħħija.

IL-LEMIN FRAMMENTAT

F’daqqa waħda l-lemin politiku li fl-Ewropa ilu dominanti, qisu qed jidher frammentat. Fi Franza l-lemin inqasam bejn il-partit tal-President Macron, ir-Republikani li saru dell fjakk tal-partit qawwi li appoġġja lill-President Sarkozy, u l-lemin estrem tal-partit immexxi minn Marine Le Pen li issa qiegħed jipprotesta kontra li jingħata it-tikketta ta’ “estrem”.

Fl-Italja skont ir-riżultati tal-aħħar elezzjonijiet “amministrattivi” il-qasma fuq il-lemin wasslet biex fejn tal-lemin kellhom jirbħu, spiċċaw mitqiesa bħala telliefa. Hawn ukoll, tliet frammenti ma jidhrux li jistgħu jingħaqdu – il-partit ta’ Berlusconi, li ġralu bħar- Repulikani Franċizi, il-Lega li filli kienet dominanti u issa niżlet fit-tieni post, u l-Fratelli d’Italia li ssuperaw lill-Lega. Dan apparti mill iżviluppi fi ħdan dawk tal-ħamest ikwiekeb.

Bilfors li jeżistu fatturi soċjali profondi għaliex dan qed jiġri, mhux biss ambizzjonijiet personali.

KUNTRADIZZJONIJIET

Nibqa’ mħawwad bil-kuntradizzjonijiet li bqajna nsostnu fil-mod kif immexxu
l-affarijiet. Meta ngħidu li rridu nsegwu ċerta linja ta’ ħidma, din id-determinazzjoni trid turi ruħha f’kull aspett ta’ xi jkun qiegħed jitwettaq u tiġi osservata minn kulħadd. Altrimenti l-linja magħżula ma tibqax kredibbli.

Bħala eżempju nistgħu nieħdu l-għan biex Malta tikkoltiva turiżmu ta’ kwalità għolja, li hi idea tajba. Biss din trid titwettaq fuq il-fronti kollha.

L-ewwel impressjoni tal-pajjiż li jieħdu t-turisti hu mill-port jew mitjar fejn
jaslu għall-ewwel darba. Veru li ċerti proġetti ta’ titjib ikunu meħtieġa, bħal fit-toroq ta’ madwar l-ajruport. Imma li jsiru bit-tul ta’ żmien li qed jittieħed bħalissa fuq dak il-proġett – jew li s-sinjali biex tiħdol jew toħroġ minnhom ikunu dashekk primittivi – xejn mhu riklam tajjeb.

Ekonomija

Sport