Friday, December 20, 2024

DWAR IR-RUSSJA

Aqra wkoll

Kummenti li għamel dan l-aħħar Henry Kissinger (għadu ħaj u luċidu!) dwar il-gwerra fl-Ukrajna dehruli tassew interessanti.

Mingħajr ma bl-ebda mod appoġġja l-invażjoni tal-Ukrajna, Kissinger innota
kif min-naħa tal-“Ewropa” baqgħet ambigwità fondamentali fl-attitudni lejn ir-Russja. Donnu li l-Ewropej għandhom diffikoltà biex iqisu lir-Russi bħala parti mill-isfera Ewropea, għalkemm imbagħad meta r-Russja tieħu linja differenti minn tagħhom xejn ma jieħdu gost.

Filfatt b’hekk donnhom qed jimbottaw lir-Russja biex tiddefinixxi ruħha bħal potenza extra-Ewropea b’irbit Asjatiku. Xi darba jew oħra, din l-ambigwità għandha tinqata’.

Kienu għamlu referenza għal dil-problema il-ġeneral de Gaulle meta appella
għal Ewropa li tieħu mill-Atlantiku sal-Urali; u l-President Franċiż Mitterrand li tkellem favur ftuħ tal-Ewropa lejn il-lvant, inkluża r-Russja.

Hemm linja ta’ ħsieb Ġermaniża wkoll li donnha tiġbed linja simili. Bdiet bl-
Ostpolitik ta’ Willy Brandt u fittxet li żżid ir-rabtiet ekonomiċi mar-Russja. Mhux l-anqas bil-bini ta’ pajplajns tal-gass naturali mir-Russja li llum wasslu għall-kriżi tal-enerġija ħtija tal-gwerra fl-Ukrajna.

KIF TĦALLAS

Qed tikber il-pressjoni biex in-nies ma tibqax tħallas bil-muniti u l-karti tal-
flus imma elettronikament. F’Malta wkoll bdiet dieħla dil-pressjoni, għalkemm mhux bl-istess qawwa bħal fil-Belġju jew Franza. Jidher sew li l-mira hi biex jiġi eliminat l-użu tal-muniti.

Ma’ dan ma naqbilx. Apparti milli anzjani u nies li m’għandhomx livell għoli
ta’ edukazzjoni se jsibu ruħhom fi żvantaġġ, pagamenti elettroniċi jfissru li tiġi reġistrata informazzjoni dwar kull transazzjoni li jagħmel individwu, l-ammont tagħha u fejn saret.

Niftaħru ħafna kemm irridu nipproteġu l-privazija tan-nies. B’pagamenti elettroniċi universali kull persuna jkollha bilfors tħalli warajha informazzjoni dettaljata dwar kif qed tgħix ħajjitha.

BIR-ROTI

Fostna, bir-raġun, dawk li jivvjaġġaw bir-rota jilmentaw li mhumiex stmati.
Fit-toroq ma jitħallilhomx spazju xieraq minn fejn jistgħu jgħaddu. F’ċerti postijiet l-art li jkollhom jgħaddu minnha tkun imħarbta u perikoluża. Is-sewwieqa ma jikkalkulawhomx. Dan kollu minnu u ċ-ċiklisti jistħoqqilhom trattament aħjar.

Madankollu ma tantx għandi fiduċja li meta jingħataw ir-rikonoxximent li
jistħoqqilhom, huma ma jibdewx – daqs is-sewwieqa – jikkommettu abbużi ġodda. Ingħid hekk għax nara dil-ħaġa tiġri fi bliet fejn iċ-ċiklisti huma mogħtija kull inkoraġġiment u fejn ittieħdu miżuri biex jingħataw faċilità sħiħa fit-toroq.
Hawn, tarahom jgħaddu sparati minn fost dawk li jkunu mexjin mal-bankini.
Jibqgħu jsuqu minn ġo “zebra crossing” meta n-nies tkun qed taqsam, u anke ġieli meta d-dwal ikunu fuq l-aħmar… Jippretendu li f’kull ċirkostanza, jingħataw id-dritta.

Biex tagħqad magħhom issa ngħaqdu s-sewwieqa tal-e scooters li ta’ spiss huma ħafna aktar perikolużi miċ-ċiklisti.

Ekonomija

Sport