Il-captain ta’ Fgura United, Dylan Caruana, ġie onorat bir-rikonoxximent “Stilel Fgurin” bħala sinjal ta’ apprezzament għas-servizz, id-dedikazzjoni u l-impenn tiegħu lejn il-klabb u l-lokalità tal-Fgura minn Jannar tal-2021 ’l hawn.
Dan l-unur imur lil hinn sew mill-kontribut ta’ Dylan fil-grawnd. Matul dawn l-aħħar seba’ xhur, Dylan wera reżiljenza, kuraġġ u determinazzjoni straordinarji wara li sofra ħabta ras ma’ ras waqt logħba li ntlagħbet fl-1 ta’ Marzu 2026.
Minkejja l-bosta sfidi li ffaċċja, huwa wera l-qawwa tal-karattru tiegħu u baqa’ jiġġieled fl-aktar mumenti diffiċli, u b’hekk ta eżempju ta’ kif għandu jġib ruħu individwu bi kwalitajiet tajbin ta’ tmexxija u karattru sod. Fgura United FC stqarrew li, għalkemm l-ebda unur ma jista’ jkun kbir biżżejjed biex jagħtih il-ġieħ li jistħoqqlu, il-klabb mhux biss huwa kburi b’Dylan, iżda huwa wkoll konvint li l-aqwa rikonoxximent għalih għadu qed jinkiteb permezz ta’ stejjer ta’ ispirazzjoni li se jimmotivaw lil dawk li jkunu għaddejjin minn diffikultajiet.
Dylan ingħata dan ir-rikonoxximent ilbieraħ, ġewwa l-Knisja Parrokkjali tal-Fgura, bħala rikonoxximent ta’ dak kollu li għamel għall-klabb, kemm fil-grawnd kif ukoll barra minnu.




