Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, fil-ġurisdizzjoni kostituzzjonali tagħha, ordnat lill-Avukat tal-Istat iħallas kumpens totali ta’ €135,067.32 lil Joseph Gauci wara li sabet li l-liġijiet tal-kera kisru d-dritt fundamentali tiegħu għat-tgawdija tal-proprjetà.
Fis-sentenza mogħtija nhar il-Ħamis, l-Imħallef Abigail Lofaro ordnat il-ħlas ta’ €134,567.32 f’danni pekunjarji u €500 oħra f’danni mhux pekunjarji, flimkien mal-imgħax legali mid-data tas-sentenza sal-ħlas effettiv.
Il-kawża kienet tirrigwarda fond kummerċjali f’numru 29, Timber Wharf, il-Marsa, li kien ilu mikri taħt kirja protetta mill-1952.
Gauci kien wiret il-proprjetà mingħand William Nathaniel Francia. Il-fond kien oriġinarjament inkera lil Anthony Camilleri u l-kirja kompliet tintiret mill-familja tiegħu.
Skont ix-xhieda ta’ Gauci, meta nfetħet il-kawża fl-2021, il-kera kienet tammonta għal madwar €135 fis-sena, filwaqt li l-liġi kienet tipproteġi t-tiġdid tagħha sal-31 ta’ Mejju 2028.
Il-Qorti osservat li l-kontroll fuq il-kera u l-limitazzjonijiet fuq it-tmiem tal-kirja kienu imponew piż sproporzjonat fuq is-sid, bi ksur tal-Ewwel Artikolu tal-Ewwel Protokoll tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
Mill-istimi tal-perit tekniku rriżulta li fl-2021 il-fond kellu valur fis-suq ta’ €300,000, b’valur lokatizju stmat ta’ €15,000 fis-sena.
Fil-kalkolu tal-kumpens, il-Qorti kkunsidrat il-perjodu bejn April tal-1987 u Mejju tal-2021, u applikat tnaqqis biex tqis fost oħrajn l-għan tal-liġi, l-inċertezza dwar il-possibbiltà li l-fond jibqa’ mikri tul il-perjodu kollu u x-xogħlijiet li kienu saru fih.
Il-Qorti qieset ukoll li Gauci kien biegħ il-proprjetà lil Livingstone Investments Limited f’Ġunju tal-2021, iżda fil-kuntratt kien żamm espressament id-dritt li jitlob kumpens għal ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu li kien seħħ qabel il-bejgħ.
Għaldaqstant, ċaħdet l-argument tal-Avukat tal-Istat li Gauci ma kellux interess ġuridiku biex ikompli bil-kawża wara li biegħ il-proprjetà.
Livingstone Investments Limited, li oriġinarjament kienet ukoll parti attriċi fil-proċeduri, irtirat il-kawża tagħha fis-26 ta’ Marzu 2026.
Fl-istess data, Gauci ċeda l-proċeduri fil-konfront ta’ Raymond Camilleri biss. Il-kawża kompliet kontra l-Avukat tal-Istat u Gerald Camilleri u Bernardette Cremona.
Il-Qorti ma laqgħetx it-talba għal dikjarazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 37 tal-Kostituzzjoni, iżda sabet ksur tad-drittijiet ta’ Gauci taħt il-Konvenzjoni Ewropea.
Joseph Gauci kien qed jiġi assistit mill-avukati Jose Herrera u David Camilleri.
