Saturday, December 21, 2024

€170,000 f’fondi għal aktar sigurtà fil-kmamar tan-nar

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera ħabbar li 30 kamra tan-nar li jaħdmu b’mod volontarju applikaw b’suċċess u ser jibbenefikaw minn €170,000 f’fondi tal-Kunsill Malti għall-Arti.

Il-Ministru Herrera saħaq li l-iskop ewlieni għal dawn il-fondi hu li jżidu s-sigurtà fil-mod ta’ kif tinħadem il-piroteknika u sabiex tiżdied is-sigurtà tal-istess ħaddiema. Il-ministru semma li matul dawn il-ġimgħat, il-ministeru tiegħu ħareġ diversi skemi li jgħinu aspetti differenti tal-kultura bħal baned, piroteknika u entitajiet fost l-oħrajn.

“Is-settur tal-arti kreattiva, fejn jaħdmu madwar 10,000 ruħ, għaddej minn diffikultà u dan bħala gvern qed nirrikonoxxuh. Dan is-settur kien fost l-ewwel li beda jintlaqat b’mod dirett mill-impatt tal-pandemija u filwaqt li ħadna diversi miżuri u inizjattivi biex insostnu dan is-settur, ninsabu determinati li bħala gvern ma nħallux din l-industrija u dawk kollha involuti waħedhom. Il-kultura hija indispensabbli għalina bħala pajjiż kif ukoll għalina bħala poplu u għaldaqstant bħala gvern determinati li ma nħallux din l-industrija tmut. Huwa għalhekk li flimkien mal-imsieħba fis-settur fosthom il-Kunsill Malti għall-Arti, l-MEIA u l-artisti nfushom qed niddiskutu x’miżuri huma tabilħaqq bżonnjużi f’kuntest ta’ sostenibbiltà. Fil-ġimgħat li ġejjin ser inħabbru numru ta’ miżuri mmirati li jgħinu b’mod dirett lil dan is-settur”, sostna l-Ministru Herrera.

Eric Fenech mill-Kunsill Malti għall-Arti spjega li bħala Kunsill dejjem irrikonoxxew li l-festa Maltija kif ukoll l-arti tal-piroteknika huma parti importanti mit-tessut tal-kultura Maltija u għaldaqstant b’dawn il-fondi ser jgħinu lill-kmamar tan-nar jaħdmu f’post iktar sigur billi jinvestu f’infrastruttura u f’makkinarju li jagħmel ix-xogħol tagħhom aktar sigur.

Waqt il-konferenza stampa tkellmu wkoll l-Għaqda Piroteknika Maltija li rringrazzjaw lill-Ministeru u lill-Kunsill Malti għall-Arti li għal darba oħra qed jgħinu lill-kmamar tan-nar Maltin permezz ta’ dawn il-fondi li ser imorru direttament għat-titjib fis-sigurtà fil-kmamar tan-nar. Huma qalu li din is-sena l-kmamar tan-nar jinsabu f’diffikultajiet minħabba l-COVID-19 u għaldaqstant dawn il-fondi ser ikunu ta’ għajnuna kbira. Qalu li llum kull min jiffrekwenta l-kmamar tan-nar huwa liċenzjat u qed jattendu wkoll ċertu taħriġ.

Ekonomija

Sport