Fi tmiem din il-ġimgħa, madwar 50,000 anzjan u anzjana se jibbenefikaw minn total ta’ €19.2 miljun, hekk kif se jirċievu l-ħlas ta’ żewġ benefiċċji soċjali oħrajn marbuta ma’ din il-faxxa ta’ persuni. Dawn il-benefiċċji se jkunu l-bonus għal dawk il-persuni li ma ħallsux biżżejjed kontribuzzjonijiet sabiex jibbenefikaw minn pensjoni u l-għotja għal ċittadini ta’ ’l fuq minn 75 sena.
12,262 persuna li ma jikkwalifikawx għall-pensjoni kontributorja ser jirċievu l-bonus b’żieda ta’ €50 fuq is-sena l-oħra. B’hekk, dawk li ħallsu 4 snin kontribuzzjonijiet se jirċievu €450, filwaqt li dawk li ħallsu bejn 5 snin u 9 snin f’kontribuzzjonijiet se jirċievu €550.
Għalhekk, il-gvern se jinvesti €6.2 miljun, u din se tkun il-ħames żieda fil-bonus minn meta beda fl-2015 taħt din l-amministrazzjoni, bin-nefqa tiżdied erba’ darbiet aktar meta mqabbel mal-2015.
Permezz ta’ tibdiliet li saru mill-2020 ’l hawn, persuna issa tista’ tibbenefika minn dan il-bonus filwaqt li tikkwalifika wkoll għall-għotja li tingħata meta tagħlaq il-75 sena. Dawn id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon u mis-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Mark Musù.
Il-Ministru Michael Falzon qal li dawn iż-żewġ pagamenti huma xhieda oħra ta’ kemm dan il-gvern jemmen fil-pensjonanti li ta’ kull sena jgawdu minn bosta żidiet finanzjarji. “Il-pensjonanti kollha jafu fejn qegħdin ma’ dan il-gvern għaliex għandu pjan ċar dwar kif jista’ jkompli jsaħħaħ il-kwalità tal-ħajja ta’ kull pensjonant”, qal il-Ministru Michael Falzon.
Is-Segretarju Permanenti Mark Musù tkellem dwar pagament ieħor li se jasal fi tmiem il-ġimgħa, dak tal-ħlas tal-għotja taċ-ċittadini li għandhom 75 sena jew aktar. Dawn il-pagamenti se jirċevuhom 37,208 persuna li għandhom 75 sena jew aktar u li jgħixu fi djarhom jew flimkien mal-qraba, kif ukoll lil dawk l-anzjani li jħallsu minn buthom biex jgħixu fi djar tal-kura privati.
Dawk fl-età bejn 75 u 79 sena jirċievu €300 fis-sena filwaqt li dawk fl-età ta’ 80 sena jew aktar jirċievu €400 fis-sena.
Persuni li jagħlqu 75 sena matul is-sena jkunu eliġibbli wkoll, iżda l-ħlas tagħhom jkun prorata skont meta jagħlqu l-età rispettiva. Imbagħad mill-2024 ’l quddiem l-għotja jibdew jirċevuha sħiħa.
B’kollox, il-pagamenti ta’ din il-ġimgħa jlaħħqu kważi €13-il miljun. Din is-somma matul is-sena tkompli tiżdied, kemm minħabba benefiċjarji ġodda kif ukoll għall-fatt li dawk li jagħlqu 80 sena jibdew jitħallsu aktar.
“Għandna nkunu kburin quddiem dawn ir-riżultati u kommessi li nkomplu nsarrfu din il-fiduċja tan-nies f’aktar benefiċċji u miżuri b’saħħithom. F’pajjiżna dejjem nitkellmu dwar kif se nsaħħu dawn il-benefiċċji, bil-għan aħħari jkun dak li nsaħħu l-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd”, temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.