Friday, November 15, 2024

€30 miljun allokati għas-sigurtà ta’ pajjiżna

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri ħabbar li fil-budget għas-sena d-dieħla ġew allokati €30 miljun għas-sigurtà ta’ pajjiżna. Minn dawn, €7.9 miljuni se jmorru f’investiment għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. 

“Dan sabiex meta jinqala’ każ bħal tal-lum fil-Marsa, tkun preparata mhux biss fl-investimenti li tkun għamlet, imma jkollha ħaddiema mħarrġa biex ikunu jistgħu jagħtu s-servizz tagħhom,” qal il-Ministru Camilleri. “Se nkomplu naħdmu biex jitranġaw stazzjonijiet tal-Protezzjoni Ċivili u  jkun hemm stazzjonijiet oħra ġodda.” 

F’dak li jirrigwardja l-Forzi Armati ta’ Malta, l-investiment kapitali għas-sena d-dieħla se jkun ta’ €13.5 miljun. “Se nkomplu ninvestu fil-FAM fejn jidħol il-proġett ta’ ċentru operattiv ġdid f’Ħal Luqa biex tkompli topera b’mod aħjar u anke f’tagħmir li jużaw is-suldati tagħna,” tenna l-Ministru Camilleri.

Huwa semma wkoll għall-Aġenzija għas-Serivizzi Korrettivi u l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin hemm allokati €3.2 mljun. Qal li l-impenn ta’ dan il-Gvern jibqa’ li jkun hemm sigurtà u dixxiplina fil-ħabs bl-istess mod li jkun hemm ukoll rijabilitazzjoni għall-priġunieri. 

Min-naħa l-oħra, għall-Korp tal-Pulizija qed jiġu allokati €4.8 miljun, bil-Ministru Camilleri jgħid li dan qed isir biex inkomplu nġibu l-bidla li hemm bżonn fil-Korp. “Fl-istess waqt inkomplu nġibu proġetti ta’ fejda għall-komunità bħall-community policing, vetturi ġodda għall-RIU u t-twaqqif ta’ units oħra speċifiċi.”

“Dan il-Gvern għandu enerġija kbira biex inġibu il-bidla u anke biex l-aspetti marbuta mas-sigurtà ta’ pajjiżna mhux biss jiġu msaħħa imma jiġu trasformati fejn hemm bżonn,” temm jgħid il-Ministru Camilleri. 

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat sostna li kellna budget li jkompli jagħti l-kuraġġ lill-familji Maltin u Għawdxin biex inkomplu nkabbru l-ekonomija tagħna. 

“Budget bi ħsieb għalkollox differenti minn oħrajn ta’ qabel li huwa intiż biex ħadd f’pajjiżna ma jsibx ruħu għarkupptejh fid-dawl ta’ kriżi illi ħolqot din il-pandemija,” qal Muscat.

Huwa semma kif il-programm tal-IIP għamel differenza pożittiva li wassal għal proġetti li jiswew miljuni kbar fosthom f’housing soċjali u titjib f’ċentri tas-saħħa u fil-bereġ. 

“Programm li waħdu ġibed lejn pajjiżna investimenti li jisboq l-1,500 miljun ewro li permezz tagħhom ikkontribwixxew għal dak il-fond li llum qed induru fuqu.”

“Mill-fond tal-IIP, l-investiment li ġġenera dak il-programm, il-Gvern għażel li jwarrab 70% ta’ kull investiment li daħal f’pajjiżna. Investiment li twarrab fil-fond nazzjonali għall-iżvilupp ta’ pajjiżna, liema fondi kienu strumentali sabiex inwieżnu kontra l-pandemija,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Muscat.

Ekonomija

Sport