Sunday, November 3, 2024

€519,721 mill-Maratona ta’ Solidarjetà u Sport b’risq id-Dar tal-Providenza

Aqra wkoll

It-12-il edizzjoni tal-Maratona tal-Volleyball li bdiet nhar il-Ġimgħa spiċċat il-Ħadd f’nofsillejl imma mhux qabel ma nġabru €519,721. Il-plejers li lagħbu 53 siegħa sħaħ bi sfida kontra s-sħana qawwija li qed taħkem il-gżejjer Maltin issa jistgħu jistrieħu sodisfatti li l-poplu Malti u Għawdxi wera s-solidarjetà tiegħu mad-Dar tal-Providenza.

Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar, qal sewwa li l-maratona hija maratona ta’ solidarjetà u sport.  Huwa kompla jgħid li l-ispirtu altruistiku rifless fil-players u numru sabiħ ta’ voluntiera li ħadu sehem f’dawn it-tliet ijiem huwa ritratt mill-isbaħ tal-Maltin u l-Għawdxin li ssibhom dejjem minn ta’ quddiem meta jiġu għas-solidarjetà. 

Huwa rrefera  għas-sentejn li għaddew li matulhom il-Maratona tal-Volleyball ma saritx u ħafna mill-attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi tista’ tgħid waqfu għalkollox. Issa li qed nimxu lejn in-normalità, din il‑maratona fetħet il-kalendarju ta’ attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi li huma tant neċessarji għad-Dar biex tkompli toffri servizzi residenzjali tal-ogħla kwalità.

Fil-ftuħ uffiċċjali tal-Maratona tal-Volleyball il-Ġimgħa filgħaxija, il-President ta’ Malta, Dott. George Vella aċċenna għall-ħidma li twettaq kuljum id-Dar tal-Providenza u li qed tkompli twettaq bl-istess enerġija u determinazzjoni tal-fundatur tagħha Mons. Mikiel Azzopardi. Huwa qal li din il-maratona hija okkażjoni biex il-poplu Malti kollu jingħaqad flimkien biex bid-donazzjoni tiegħu jipprovdi lill-persuni b’diżabilità residenti tad-Dar tal-Providenza b’dak kollu li għandhom bżonn u li fuq kollox huwa d-dritt tagħhom.

Il-Ħadd filgħodu, l-Isqof Awżiljarju Mons. Joseph Galea-Curmi ikkonċelebra flimkien ma’ Fr Martin fil-kappella tad-Dar. Huwa qal li d-Dar hija ċelebrazzjoni ta’ mħabba u ta’ għożża b’messaġġ qawwi għal kulħadd.

Huwa semma tliet aspetti li joħorġu mill-messaġġ tad-Dar. L-ewwel wieħed huwa l-għożża tal-ħajja mill-bidu tagħha mingħajr ma ħadd ikollu jiddeċiedi liema ħajja tinżamm u liema ħajja tintrema. It-tieni aspett huwa l-inklużjoni fejn kull bniedem ikollu sehem sħieħ fis-soċjetà u fl-aħħarnett hemm il-messaġġ ta’ solidarjetà mal-persuni b’diżabilità li jeħtieġilhom kull għamla ta’ appoġġ. Dawn kollha huma sinonomi mad-Dar tal-Providenza li waqqaf Dun Mikiel 57 sena ilu.

Minbarra l‑40 pleyer li kienu l-protagonisti ewlenin ta’ din il-maratona, kien hemm ukoll madwar 200 voluntier.  Kull filgħaxija kien hemm spettaklu mużikali fuq il‑palk prinċipali, ikel u logħob għat‑tfal.  Il‑Maratona ingħatat f’xandiriet diretti fuq l-istazzjonijiet tat-televixin ewlenin f’pajjiżna.

Sport