Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali u l-Akkomodazzjoni Andy Ellul ħabbar pakkett ta’ tliet miżuri komprensivi u bbilanċjati bil-għan li jiġu mgħejuna ’l fuq minn 900 familja ġdida, fosthom żgħażagħ li qed ifittxu li jixtru l-ewwel propjetà u anke persuni li għaddew minn separazzjoni.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet Dr Andy Ellul spjega kif dak imħabbar għandu tliet għanijiet: Li jiżdied l-inventarju tal-proprjetajiet tal-akkomodazzjoni soċjali, li tingħata għajnuna lil dawk li qed isibuha diffiċli jixtru proprjetà jew saħansitra jikru minħabba separazzjoni aktar tard fil-ħajja u għajnuna liż-żgħażagħ li qed ifittxu li jixtru proprjetà.
Dr Ellul spjega li b’hekk il-Gvern qed jestendi u jsaħħaħ tlett skemi: Nikru Biex Nassistu, il-Housing Benefit Scheme u l-Equity Sharing Scheme.
“Dak li qed inħabbru llum jirrispondi għall-bżonnijiet dejjem jevolvu tas-soċjetà tagħna. Huwa pakkett ta’ miżuri li jkabbar l-aċċess għall-homeownership f’pajjiżna. Dan huwa l-mod kif għandha timxi ’l quddiem il-politika dwar l-akkomodazzjoni, b’mod targeted, b’mod responsabbli, u b’mod li tkun iċċentrata u ffukata dwar in-nies,” sostna Dr Ellul.
Nikru Biex Nassistu (NIK)
L-iskema Nikru Biex Nassistu hija sinerġija bejn il-Gvern u l-privat. Il-privat jidħol f’kuntratt ta’ 10 snin biex il-proprjetà tinkera lil persuni fuq il-Lista ta’ Stennija tal-Awtorità tad-Djar għall-akkomodazzjoni soċjali.
“Illum, mal-1,400 familja għandhom saqaf fuq rashom grazzi għal din l-iskema. Permezz tal-bidliet li qed inħabbru se nkunu qed ninvestu aktar minn €5 miljun oħra,” stqarr Dr Ellul.
L-investiment se jieħu l-forma ta’ rati ħafna aktar vantaġġjużi. Ir-rati l-ġodda jammontaw għal ftit inqas mill-prezz tal-kirja medja ta’ Malta u Għawdex, wara li tikkunsidra il-benefiċċju li toffri din l-iskema fosthom: stabbiltà fit-tul għas-sid u anke għall-inkwilin; ħlas bil-quddiem u ffrankar ta’ taxxa.
Dr Ellul żied jgħid li dan l-investiment se jfisser illi mal-500 familja oħra se jkollhom saqaf fuq rashom.

