Alex Manninger, l-eks goalkeeper li għen lil Arsenal jirbħu d-Double fl-1998, miet f’inċident tat-traffiku fl-Awstrija, fl-età ta’ 48 sena.
L-ewwel klabb tiegħu, Red Bull Salzburg, ħabbar l-aħbar nhar il-Ħamis. Il-klabb tal-Bundesliga Awstrijaka qal f’post fuq il-kont uffiċjali tiegħu ta’ X: “Insellmu lill-eks goalkeeper tagħna Alexander Manninger, li tilef ħajtu traġikament f’inċident tat-traffiku. Ħsibijietna huma mal-familja u l-ħbieb tiegħu. Strieħ fis-sliem, Alexander.”
Skont rapporti mill-Awstrija, il-karozza ta’ Manninger kienet involute f’ħabta ma’ ferrovija fl-istazzjon lokali ta’ Salzburg f’Nussdorf am Haunsberg nhar il-Ħamis filgħodu.
Arsenal sellmu lil Manninger fuq X, fejn qalu: “Ħsibijietna kollha huma mal-familja u l-maħbubin tiegħu f’dan il-mument inkredibilment imdejjaq. Jalla jistrieħ fis-sliem.”
Manninger, li lagħab 33 darba mat-tim Awstrijakk, ingħaqad mal-Gunners b’trasferiment ta’ £500,000 minn Grazer AK f’Ġunju tal-1997, fejn għamel 64 dehra taħt Arsène Wenger u rebaħ il-Premier League matul ħames snin qabel ma ngħaqad ma’ Espanyol, b’David Seaman u Richard Wright jiġu preferuti minfloku fl-ewwel tim.
Huwa kellu wkoll perjodi ma’ Torino, Bologna, Siena u Juventus fl-Italja, Augsburg fil-Ġermanja u Liverpool għal żmien qasir lura fl-ogħla diviżjoni Ingliża. Manninger ma għamel l-ebda dehra kompetittiva għal Liverpool wara li ngħaqad b’kuntratt għal żmien qasir f’Lulju 2016 għal dak li rriżulta li kien l-aħħar staġun tiegħu.
Post fuq il-profil X tar-Reds qal: “Liverpool FC huma mnikkta ħafna bil-mewt tal-eks goalkeeper Alex Manninger fl-età ta’ 48 sena. Il-ħsibijiet ta’ kulħadd f’LFC huma mal-familja u l-ħbieb ta’ Alex f’dan iż-żmien diffiċli.”
L-Assoċjazzjoni Awstrijakka tal-Futbol ukoll bkiet il-mewt tiegħu, u qalet li kien player “eċċellenti”. Id-direttur sportiv tiegħu Peter Schottel qal fuq il-websajt tal-Osterreichischer Fussball-Bund: “Alexander Manninger kien ambaxxatur eċċellenti tal-futbol Awstrijak fuq u barra l-grawnd. Bil-karriera internazzjonali tiegħu, huwa stabbilixxa standards u ispira u sawwar ħafna gowlers żgħażagħ.
“Il-professjonaliżmu tiegħu, il-kalma tiegħu u l-affidabbiltà tiegħu għamluh parti importanti mit-timijiet tiegħu u wkoll mit-tim nazzjonali. Il-kisbiet tiegħu jistħoqqilhom l-ogħla rispett u jibqgħu ma jintesewx. F’dan iż-żmien diffiċli, ħsibijietna huma mal-familja u l-maħbubin tiegħu.”

