Saturday, November 30, 2024

€653 miljun f’wage supplement mill-bidu tal-pandemija

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Minn meta faqqgħet il-pandemija f’pajjiżna f’Marzu tal-2020, il-Gvern se jkun investa xejn inqas minn €653 miljun f’wage supplement biex assista 17,000 negozju u iktar minn 105,000 impjegat. 

Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli fejn qalet li din l-iskema se tkun qiegħda tiġi estiża wkoll għax-xahar ta’ Jannar 2022. 

“Se nibqgħu nevalwaw is-sitwazzjoni. Se nkomplu bid-diskussjonijiet biex nibqgħu nkunu ta’ appoġġ skont il-ħtiġijiet u skont il-bżonn. Fil-fatt, il-politika ta’ sostenn ekonomiku li ħaddimna sal-ewwel jum se nibqgħu nħaddmuha fiż-żmien li ġej,” qalet il-Ministru Dalli. 

Fl-istess konferenza ġie spjegat li l-wage supplement ma kinitx l-unika skema ta’ assistenza li l-Gvern ta lin-negozji f’dawn l-aħħar xhur iżda ġew amministrati diversi skemi oħrajn. Fost dawn hemm l-iskema tat-teleworking li bbenefikaw minnha madwar 4,000 impjegat, fejn l-għajnuna mogħtija kienet taqbeż il-€1 miljun.

Kien hemm ukoll l-iskema tar-rifużjoni tal-kirjiet li kienet miftuħa fl-2020 u anke din is-sena fejn ġew assistiti madwar 5,000 negozju li dawk minnhom eleġibbli ħadu madwar €13-il miljun.

Ma’ dawn hemm ukoll l-iskema ta’ rifużjonijiet tal-kontijiet tad-dawl fejn il-Malta Enterprise rċeviet madwar 6,000 applikazzjoni li minnhom dawk eleġibbli ssarrfu f’madwar €7 miljun f’assistenza.

Skema oħra li għadha fis-seħħ hi dik tal-leave tal-kwarantina. Il-Malta Enterprise sa issa rċeviet madwar 16,000 applikazzjoni u l-assistenza li ngħatat kienet tlaħħaq id-€9 miljun.

Il-Ministru Dalli qalet li l-aħħar xhur ma kienu faċli għal ħadd, “imma n-negozji u anke l-ħaddiema jafu li fina għandhom Gvern li qed ikompli jinvesti fihom.” Tenniet li bħalissa hemm pressjoni qawwija ħafna bil-prezzijiet internazzjonali kemm tal-elettriku kif ukoll tal-fjuwil. Minkejja dan, saħqet li l-prezzijiet f’Malta baqgħu stabbli.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia qal li: “se nibqgħu nassistu lin-negozji kif hemm bżonn kif għamilna f’dawn l-aħħar xhur. Dan filwaqt li bqajna noħorġu bi skemi ġodda bħal ‘Change to Grow’ u ‘Smart and Sustainable Scheme li qed jgħin lin-negozju jbidel il-mudell tan-negozju tiegħu imma anke jikber.”

Sport