ż-żewġ timijiet Maltin li qed jipparteċipaw fl-EBA Nations Cup fi Bridlington kellhom mumenti oħrajn pożittivi hekk kif intlagħbet it-tielet ġurnata ta’ dan it-turnament.
Fil-Men’s, Malta kisbu tliet rebħiet minn daqstant logħbiet meta għelbu 19-6 lil Ġibilta’, 20-5 kontra l-Messiku u fil-logħba ta’ filgħaxija, ġabu fix-xejn lill-Afrika t’Isfel hekk kif rebħulhom 19-6.
Fis-Seniors, il-Maltin kellhom rebħa u telfa hekk kif wara li għelbu lill-Katalunja 16-4, tilfu 15-10 kontra l-Iskozja.
Sadanittant fit-tielet round tas-Senior Singles, Lee Grima tilef kontra Gordy Bird ta’ Wales 5-3.
Illum ikompli l-logħob mill-fażi tal-gruppi hekk kif fil-Men’s, Malta jilagħbu kontra l-Belġju, l-Awstralja u l-Ingilterra filwaqt li s-Seniors se jkollhom avversarji Ingliżi, Irlandiżi u Awstraljani.
Filgħaxija jkunu fl-azzjoni wkoll Owen Amato u Stephen Mangion li jilagħbu fir-raba’ round tas-singles kontra Jamie Burnett tal-Iskożja u Ben Rodgers tal-Ingilterra rispettivament.