Saturday, April 27, 2024

Is-sodisfazzjon fis-servizz tas-saħħa fl-Ingilterra fl-inqas livell li qatt kien

Aqra wkoll

Is-sodisfazzjon tal-pubbliku fis-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa – NHS – fl-Ingilterra niżel għall-iktar livell baxx mill-1983 ‘il hawn, skont stħarriġ ġdid maġġuri.

In-nuqqas ta’ sodisfazzjon bis-servizz irdoppja f’dawn l-aħħar sentejn hekk kif in-nies qed ibatu biex jaċċessaw is-servizzi tas-saħħa u jemmnu wkoll li m’hemmx biżżejjed ħaddiema biex jagħtu kura ta’ kwalità għolja.

Filwaqt li l-pubbliku jinsab kburi bis-servizz u għal dak li jirrappreżenta, 29% ta’ dawk mistħarrġa qalu li kienu sodisfatti b’kif jaħdem is-servizz, skont l-istħarriġ tal-2022 dwar l-Attitudnijiet Soċjali Brittaniċi. Dan huwa l-inqas livell minn meta beda l-istħarriġ fl-1983 u juri tnaqqis kbir mill-2010 meta 70% qalu li kienu sodisfatti bl-NHS.

Dejta mill-istħarriġ ta’ 3,362 persuna mill-Ingilterra, Wales u l-Iskozja analizzati mir-riċerkaturi ta’ Nuffield Trust u The King’s Fund turi wkoll li n-nuqqas ta’ sodisfazzjon ġenerali bil-mod kif jitmexxa l-NHS żdied għal 51% – l-ogħla livell li qatt kien.

Iċ-ċifra rduppjat f’sentejn biss bin-nuqqas ta’ sodisfazzjon fuq l-NHS kien 25% fl-2020. Skont l-istħarriġ, li sar miċ-Ċentru Nazzjonali għar-Riċerka Soċjali f’Settembru u Ottubru 2022, ir-raġunijiet ewlenin għan-nuqqas ta’ sodisfazzjon kienu dwar il-finanzjament, l-istaff u l-aċċess għall-kura. 69% qalu li tieħu wisq żmien biex tikseb appuntament ta’ tabib jew sptar, 55% qalu li m’hemmx biżżejjed ħaddiema professjonali tal-NHS u 50% qalu li l-gvern ma jonfoqx biżżejjed fuq is-servizz nazzjonali tas-saħħa.

Ir-riżultati tal-istħarriġ tal-kura soċjali jindikaw stampa inkwetanti b’14% biss sodisfatti u 57% mhux sodisfatti b’kif jitmexxa s-servizz tal-kura soċjali.

Sadanittant, stħarriġ iżgħar ta’ 1,187 persuna sab li s-sodisfazzjon b’servizzi differenti tal-NHS jinsab f’livell baxx rekord.

Sport