Tuesday, April 23, 2024

Il-liċenzja se tkun qiegħda tirregola jekk kuntrattur jistax jaħdem jew le

Aqra wkoll

Talk.mt jistaqsi…

It-Tnejn 13 ta’ Marzu 2023, il-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar nieda konsultazzjoni pubblika dwar Avviż Legali li se joffri qafas għal Liċenzjar tal-Kuntratturi. Il-konsultazzjoni pubblika tagħlaq fil-21 ta’ April li ġej. Talk.mt jistaqsi:

Għalfejn inħasset il-ħtieġa ta’ liċenzja tal-kuntratturi fl-industrija tal-kostruzzjoni?

Il-liċenzja tal-kuntratturi fl-industrija tal-kostruzzjoni se tkun qed tirregola lil min jista’ jwettaq  xogħol ta’ twaqqigħ, skavar u bini.  Hija intiża biex tassigura kwalità ogħla ta’ ħiliet li jkollhom il-kuntratturi u l-ħaddiema tagħhom involuti fis-settur.

Liema tipi ta’ attivitajiet ta’ kostruzzjoni huma koperti mil-liċenzja tal-kuntratturi fl-industrija tal-kostruzzjoni?

Din hija l-ewwel fażi tal-proċess biex tkun introdotta l-liċenzja tal-kuntratturi fis-settur tal-kostruzzjoni. It-tliet kategoriji ta’ liċenzja tal-kuntratturi tal-kostruzzjoni se jkunu t-twaqqigħ, l-iskavar (inkluż piling) u l-bini.

Min jeħtieġ li jkollu liċenzja ta’ kuntratturi fl-industrija tal-kostruzzjoni  f’Malta?

Il-liċenzja hija meħtieġa għal kull individwu jew kumpanija li diġà qed joperaw fl-industrija tal-kostruzzjoni, għal min beħsiebu jibda jaħdem fl-industrija kif ukoll għal kull persuna minn stati membri tal-UE u pajjiżi terzi li se tagħmel xogħol ta’ kostruzzjoni f’Malta. Dan jgħodd għal kull min jaħdem xogħol ta’ twaqqigħ, skavar u bini.

Nista’ napplika għal aktar minn liċenzja waħda? 

Iva. Individwu jew kumpanija jista’ jkollhom liċenzja ta’ kull kategorija –  twaqqigħ, skavar u bini.

Minn meta ser jibdew jintlaqgħu l-ewwel applikazzjonijiet għall-għoti ta’ liċenzja tal-kuntratturi fl-industrija tal-kostruzzjoni?

Mill-1 ta’ Ġunju 2023 kull min jaħdem fl-oqsma ta’ twaqqigħ, skavar u bini jkun jista’ japplika għal-liċenzja kif meħtieġ. Huma dawk il-kuntratturi li jkunu applikaw mal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) sal-aħħar t’Ottubru 2023 li se jkunu jistgħu jkomplu joperaw mill-1 ta’ Novembru 2023 ‘l quddiem. F’dan iż-żmien tkun qed tinħareġ provisional clearance jew liċenzja skond il-każ.

Liema hija l-Awtorità li se tkun responsabbli għall-ħruġ ta’ dawn il-liċenzji? 

Il-Kumitat tal-Liċenzjar tal-Kuntratturi fi ħdan l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) se jkun qed jevalwa l-applikazzjonijiet u joħroġ dawn il-liċenzji.

Liema dokumenti għandi bżonn nissottometti biex nikseb il-Liċenzja tal-Kuntratturi?

Barra dettalji bażiċi tal-persuna li se tkun qed tapplika, se jkunu meħtieġa b’mod obbligatorju polza ta’ assigurazzjoni valida li tkopri s-servizzi provduti f’siti ta’ kostruzzjoni. Dan minbarra li kull applikant li jimpjega ħaddiema tal-kostruzzjoni għandu jkollu polza ta’ assigurazzjoni – employers liability.

X’inhuma d-drittijiet u d-dmirijiet assoċjati mal-kisba tal-liċenzja tal-kuntratturi fl-industrija tal-kostruzzjoni?

Kull min jikseb il-liċenzja se jkun jista’ jopera fit-twaqqigħ, skavar u bini. L-obbligi joħorġu mill-Avviż Legali li se jirregola dawn il-liċenzji. Importanti li dawn l-obbligi jiġu osservati. 

Hemm perjodu ta’ validità għal-liċenzja tal-kuntratturi fl-industrija tal-kostruzzjoni?

Il-perjodu ta’ validità se jkun ta’ tliet snin.

Tista’ kumpanija barranija jew individwu japplikaw għal-liċenzja tal-kuntratturi fl-industrija tal-kostruzzjoni f’Malta?

Iva. Fejn l-applikant ikun jew kien fil-pussess ta’ liċenzja jew reġistrazzjoni maħruġa mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor jew Pajjiż Terz, il-Kumitat jista’ jitlob informazzjoni dwar l-applikant minn din l-awtorità kompetenti.

Jistgħu japplikaw dawk li huma fil-pussess ta’ liċenzja jew reġistrazzjoni maħruġa mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor jew Pajjiż Terz.  Il-Kumitat għandu d-dritt jitlob informazzjoni dwar l-applikant minn din l-awtorità kompetenti.

Se jkun hemm xi taħriġ jew ħtiġijiet edukattivi biex tinkiseb liċenzja tal-kuntratturi fl-industrija tal-kostruzzjoni?

Fil-qasam tal-bini se jkun mitlub li min japplika jkollu liċenzja ta’ bennej (mason’s Licence) kif ukoll kwalifiċi oħra kif se jissemmew fl-avviż legali. Fis-setturi tat-twaqqigħ u l-iskavar hemm ukoll diversi kriterji li se jkunu mitluba. 

X’inhuma l-konsegwenzi li topera mingħajr liċenzja tal-kuntratturi fl-industrija tal- kostruzzjoni f’Malta?

Ħadd ma jkunu jista’ jaħdem mingħajr liċenzja. Se jkun hemm proċeduri ta’ infurzar u diversi multi skont kif tapplika l-liġi.

Nista’ nittrasferixxi l-liċenzja tiegħi lil persuna jew kumpanija oħra?

Le, iżda individwu jew kumpanija liċenzjata jista’ jitlob li tiġi kkanċellata l-liċenzja minn fuq ismu.

Għandi bżonn inġedded il-liċenzja tiegħi?

Iva, wara l-perjodu ta’ validità, il-liċenzja se tkun tista’ tiġġedded.

Hemm xi eżenzjonijiet biex tinkiseb liċenzja tal-kuntratturi fl-industrija tal-kostruzzjoni?

Ħa jkun hemm eżenzjonijiet marbuta mal-ewwel sena li tiġi introdotta, billi dawk il-kuntratturi li jkunu diġà qed iwettqu xogħol fl-industrija tal-kostruzzjoni se jkollhom il-possibbiltà li jkomplu bil-ħidma tagħhom anke wara d-data li jiġu fis-seħħ ir-regolamenti l-ġodda.  Dawn għandhom jirreġistraw mal-Awtorità bil-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal-liċenzja u sakemm ikollhom il-kriterji kif imsemmi se jkunu jistgħu jibqgħu jaħdmu. F’dan iż-żmien kuntrattur li jikser ir-regolamenti xorta jista’ jkun sospiż jew imwaqqaf milli jaħdem bħala kuntrattur.

X’inhu l-proċess biex tappella deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tal-liċenzja tal-kuntratturi fl-industrija tal-kostruzzjoni?

Se jkun hemm il-fakultà ta’ appell mat-Tribunal tal-Bini u l-Kostruzzjoni jekk l-applikant iħossu aggravat, kemm dwar kundizzjonijiet tal-liċenzja u kemm jekk kien hemm rifjut tal-liċenzja. L-appell irid isir fi żmien 20 ġurnata mid-deċiżjoni tal-Awtorità skont il-liġi.

Sport