Friday, November 22, 2024

Ebda ftehim fuq il-Patt ta’ Migrazzjoni… kollox wieqaf “sa nofs is-sena d-dieħla”

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Proprju fl-aħħar jiem, għaddiet sena minn mindu l-Kummissjoni Ewropea ippubblikat il-Patt dwar l-Migrazzjoni, liema patt kien ġie kritikat ħafna minħabba li ma kien hemm ebda bidla fil-politika Ewropea, liema politika baqgħet dik li toħloq fortizza biex iżżomm l-immigranti l-bogħod mill-fruntieri Ewropej. Talk.mt fl-aħħar jiem stħarreġ fuq x’inh għaddej dwar dan il-Patt, fejn ġejna infurmati li kollox jidher li jinsab wieqaf fejn l-indikazzjonijiet huma li d-diskussjonijiet u deċiżjoni dwar dan l-patt mhux mistennija jittieħdu qabel nofs is-sena d-dieħla.

Sorsi li tkellmu ma’ dan is-sit qalulna li “bħalissa jidher li kollox hu wieqaf. Għad hemm nuqqas ta’ qbil dwaru u se jkun hemm bżonn momentum tajjeb biex id-diskussjonijiet jimxu ‘l quddiem”. L-istess sorsi qalulna li “wieħed irid jara l-isfond li qegħdin fih illum. Għandek il-partiti tal-lemin estrem u movimenti oħra li qed jippruvaw jużaw l-immigrazzjoni biex imexxu ‘l quddiem in-narrattiva tagħhom li l-Unjoni Ewropea ma tistax issolvi il-problemi tal-Ewropej.”  L-istess sorsi spjegawlna li “ninsab ftit bogħod mill-elezzjoni fil-Ġermanja u ftit xhur oħra eżattament kważi f’nofs April se ssir l-elezzjoni Presidenzjali fi Franza. Quddiem dan u x’se jiġri f’dawn l-elezzjonijiet, qed jitqies bħala li mhux opportun li l-pjan ta’ migrazzjoni ikun diskuss”.

L-istess sorsi qalulna li “fuq għadd ta’ punti kien għad hemm nuqqas ta’ qbil fejn jidħol dan il-patt. Jekk l-Unjoni Ewropea hux se tkun kapaċi tasal fi ftehim wieħed għad irid jara. Nemmen li wara l-elezzjoni fil-Ġermanja u fi Franza, għandu jkun hemm sforz ġdid biex jintlaħaq ftehim fuq dan il-patt”. 

Il-Kummissjoni Ewropea, sena ilu kienet  ippubblikat dak li ssejjaħ bħala  il-Patt dwar l-Immigrazzjoni fejn dak imħabbar kien tqies minn dawk li jaħdmu qrib ir-refuġjati bħala li m’humiex biżżejjed u ma jikkostitwixxi l-ebda bidla. Filfatt, bil-patt il-politika ta’ fortizza Ewropea, baqgħet hemm, bl-aktar infurzar fil-fruntieri. Il-Kummissjoni Ewropea fil-patt ġdid tagħha qed tabbanduna l-idea li jkun hemm kwoti mandatorji. Il-patt dwar l-immigrazzjoni se jkunu qed jagħtu l-possibilità li l-pajjiżi Ewropej jagħżlu jekk iridux jaċċettaw immigranti. Dawk li ma jkunux iridu jaċċettaw se jkunu jistgħu juru solidarjetà mal-pajjiżi milqutin billi jgħinu lil dawk il-pajjiżi jagħmlu id-deportazzjoni.

Fost dawk li kienu kkummentaw kien hemm l-ETUC fejn din mill-ewwel kienet  iddikjarat li “b’dak imħabbar il-fortizza Ewropea issaħħet aktar.  Il-patt tal-Kummissjoni Ewropea imur lil hinn ħafna minn sistema ibbażata fuq solidarjetà u drittijiet umani. Dan hu patt li se jwassal biex nies vulnerabbli jispiċċaw fil-faqar u lura f’żoni ta’ kunflitt, xi ħaġa li se togħġob lill-populisti”. Saħqet li “dan il-patt hu intiż biex itejjeb ir-relazzjoni bejn il-pajjiżi u mhux iħares lejn il-bżonnijiet tal-immigranti.” L-ETUC tisħaq li “dak li jridu l-ħaddiema fl-Ewropea hu azzjoni fuq rotot legali, li tippreveni milli jkun hemm esplojtazzjoni”

Il-patt imħabbar kien jgħid li l-Unjoni Ewropea se tkun qed toffri lill-pajjiżi li jaċċettaw l-immigranti li jkunu salvati fil-Mediterran, €10,000 għal kull adult.  Dawn huma fondi mill-baġit Ewropew.  Biss ebda pajjiż mhu obbligat li jżomm immigranti.

Kien intqal li dan il-patt hu intenzjonat li jkisser is-sitwazzjoni li ilha tirrenja fl-Unjoni Ewropea fejn tidħol l-immigrazzjoni.   Dawn il-proposti  huma intiżi biex inaqqsu l-pressjoni minn fuq pajjiżi bħal Italja, Spanja, il-Greċja u Malta. 

Il-Kummissarju Ewropew għal Intern, Ylva Johansson kienet qalet li issa l-enfasi hi fuq li jkunu ritornati.  Saħqet li “irridu nitrattaw mas-sitwazzjoni reali.  Ħafna minn dawk li qed jaslu fi xtut Ewropej m’humiex refuġjati.  Żewġ terzi minn dawk li jaslu b’mod irregolari, se jkollhom deċiżjoni negattiva”. 

Permezz ta’ dan il-patt il-pajjiżi  irid jaqblu li jew jieħdu immigranti jew inkella jibagħtu lura lil dawk li l-applikazzjoni ta’ ażil tagħhom tkun rifjutata. 

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, kienet iddeskriviet il-patt bħala “soluzzjoni Ewropea biex iġġib lura il-kunfidenza fiċ-ċittadini”. 

Diversi organizazzjonijiet umanitarji u attivisti għad-drittijiet tal-bniedem iddeskrivew il-patt bħala “diżastruż”.  

Caritas Europa, fost ħafna għaqdiet kienet iddikjarat li “il-patt ġdid fuq l-immigrazzjoni kif imħabbar mill-Kummissjoni Ewropea hu l-bogħod ħafna minn dak mistenni, jiġifieri li jkun hemm aktar politika umana.  Jiddiapjaċina naraw li ‘l-enfasi baqgħet fuq li wieħed iżomm milli ssir l-immigrazzjoni, kontroll mal-fruntieri u ritorn lura lejn il-pajjiżi”.

Eva Cosse, li hi parti minn Human Rights Watch, kienet iddeskriviet il-patt bħala li “iżomm in-nies fil-fruntieri. Qed nistennew bidu ġdid. Hemm bżonn bidla radikali”.

European Trade Union kienu iddikjaraw li “fruntieri aktar b’saħħithom, u ritorn ta’ immigranti ma jistgħux jitqiesu bħala solidarjetà.  It-trade unions jafu x’inhi t-tifsira ta’ solidarjetà. Dak imħabbar mhux solidarjetà”.

Sport