Sunday, June 21, 2026

EBDA REBĦA TAL-ISTATI UNITI BIL-FTEHIM FIL-KUNFLITT TAL-IRAN  

Aqra wkoll

Wara li fl-aħħar jiem tħabbar li kien intlaħaq ftehim mal-Iran, bla dubju ta’ xejn ħafna ħadu nifs ta’ sodisfazzjon ‘lgewwa. Rajna kif għal din l-aħbar kien hemm reazzjoni immedjata fil-prezz taż-żejt li roħos immedjatament. 

Ma setax jonqos, li Trump, kif kien ilu jagħmel joħroġ idoqq it-trombi u jgħajjat vittorja. Jiddikjara li l-Istati Uniti ħarġet rebbieħa. Wieħed ma jridx jinsa minn fein tlaqna….kienet gwerra li kellha tieħu ftit jiem u damet ħafna aktar. Fiha rajna kemm is-suppost sigurtà li l-Istati Uniti kienet tgħid li qiegħda toffri lil pajjiżi ġirien, kienet mhux dik mistennija.

Ħafna tkellmu dwar dan il-ftehim. Tkellmu immedjatament u kmieni.  Aktar ma bdew jgħaddu s-sigħat u joħorġu aktar dettalji dwar il-memorandum miftiehem bejn l-Iran u l-Istati Uniti, beda jidher  aktar ċar li dak il-ftehim kien qiegħed jirrappreżenta rebħa għad-diplomazija Iranjana fuq id-diplomazija Amerikana. Ngħiduha kif inhi iI-ftehim, intlaqa’ b’sodisfazzjon  mis-swieq peress li jipprevedi l-ftuħ mill-ġdid immedjat tal-Istrett ta’ Hormuż għat-traffiku tat-tankers, għalkemm irid jgħaddi ammont ta’ żmien sakemm dan ikun kompletament sigur mill-mini li ntefgħu fih.

Skont dak li sar magħruf, il-ftehim jinkludi l-waqfien tal-operazzjonijiet ta’ Iżrael fil-Libanu, it-tneħħija tal-imblokk navali, pjan biex l-Iran jaċċessa $300 biljun  biex jerġa’ jibni l-ħsara tal-gwerra, is-sospensjoni tas-sanzjonijiet fuq l-esportazzjonijiet taż-żejt, ir-rilaxx ta’ $24 biljun  ta’ fondi Iranjani li kienu ffriżati barra mill-pajjiż, u l-irtirar tal-forzi Amerikani skjerati madwar il-Golf Għarbi.

Minn naħa tagħha, Tehran tafferma mill-ġdid l-impenn tagħha li ma timmanifatturax armi nukleari u li jinfetaħ perjodu ta’ 60 jum biex jintlaħaq qbil dwar id-dettalji ta’ dak li mistenni jkun ftehim simili ħafna għal dak iffirmat minn Obama fis-sena 2015.

U quddiem dan is-suppost ftehim, u quddiem il-ġimgħat sħaħ ta’ attakki li wasslu għal imwiet, kien neċessarju li nispiċċaw  bil-Lvant Nofsani kollu jinqaleb ta’ taħt fuq. Kien neċessarju li nispiċċaw bil-kriżi taż-żejt u żieda ġeneralizzata fil-prezzijiet madwar id-dinja kollha, kemm taż-żejt u prodotti oħra?

Nafu li l-għan tal-attakki kien li l-Iran jiddgħajjef militarment u ma jibqgħax kun ta’ sostenni għal Heżbollah. Dan flimkien mal-għan li jitwaqqa ir-reġim. Ma ninsewx li Trump riedhom iċedu bla kundizzjoni. Altru milli sar hekk. 

Imma issa, il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, għandu problema quddiemu. Jidher ċar kemm kienet żbaljata l-Istati Uniti meta ħasbet li se tiġri bl-Iran jekk tattakkah?  Mhux hekk biss, imma kienu sorpriżi mill-istess Iran u l-kapaċitajiet tiegħu li jattakka lura, b’arma ġdida, dik tad-drones.

U Trump issa irid jara kif se  jikkonvinċi lill-opinjoni pubblika fl-Istati Uniti li dak li sar kien jiswa?  Għal tul ta’ żmien, se jkun possibbli li jikkonvinċi lill-alleat tiegħu,  il-Prim Ministru ta’ Iżrael Benjamin Netanyahu, jirtira mil-Libanu? Jew se jiġri kif ġara fil-każ ta’ Gaża? Jieqfu l-attakki għal ftit u imbagħad jerġgħu jibdew? 

Qegħdin ngħidu dan għax, Netanyahu ma qgħadx lura milli jiddikjara li ma jaqbilx mal-pjan u li m’għandux l-intenzjoni li jirtira min-nofsinhar tal-pajjiż ġar sakemm ma jkollux garanziji li Hezbollah ġie żmantellat kompletament. Iżrael, jgħid li hu sorpriż b’dan il-ftehim u jarah bħala ‘katastrofiku’. Hemm punt ieħor li imbagħad jista’ joħloq it-tensjoni mill-ġdid. Dan hu dak ta’ x’se jiġri mill-gwerrillieri. Dawn se jobdu lir-reġim Iranjan?

U allura lil hinn minn dan il-ftehim ix-xenarju għadu wieħed instabbli ħafna. Tant instabbli li l-iċken mossa kapaċi toħloq kunflitt ġdid. Il-paċi li qiegħed jingħad li intlaħqet hi fraġli ħafna. 

Ħaġa waħda hi ċara.  Donald Trump daħal fi sqaq meta beda dan il-kunflitt. Ħaseb li se jiġri bl-Iran. Dan ma sarx. Għaddej il-jiem u s-sitwazzjoni kompliet turi kemm l-Istati Uniti żbaljat. Kemm m’għamiltx il-kalkoli tagħha sew u dan hekk kif l-Iran għalaq l-Istrett ta’ Hormuż bl-effetti kollha negattivi li dan ħoloq fid-dinja kollha. 

L-għaġġla għal ftehim mal-Iran, turi biss ħaġa waħda, dik li Donald Trump kien qiegħed ifittex b’mod iddisprat biex joħroġ mill-isqaq li daħal fih. Jekk wieħed jara r-reazzjoni tal-midja Iżraeljana għall-ftehim, tara faċilment li dawn qisu l-ftehim bħala ċediment lir-reġim tal-Iran. 

U tqum kwistjoni oħra. Din hi dwar is-60 jum. Hawn xi ħadd jemmen li s-60 jum mogħtijin lill-partijiet biex jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni nukleari huma biżżejjed. Qegħdin ngħidu dan għax kemm Obama u kemm l-Unjoni Ewropea kellhom bżonn aktar minn sena biex ifasslu patt li għandu kumplessità teknika għolja.

U dan is-suppost ftehim jgħid li dan il-perjodu jista’ jiġi estiż b’mod indefinit u li matul dan iż-żmien kollu ma jista’ jkun hemm l-ebda tip ta’ attakk. Dan ifisser li r-reġim Iranjan issa għandu l-vantaġġ u se jieħu vantaġġ mill-pożizzjoni ta’ saħħa miksuba bid-diplomazija biex isaħħaħ lilu nnifsu internament.

Dan hu ħafna ‘lbogħod mill-kliem ta’ Trump, fil-bidu tal-gwerra, meta kien qal li talab “ċediment bla kundizzjonijiet” mill-Iran.  U fuq kollox, kif qatt tista’ tgħid li negozjar għall-paċi hu vittorja, kif ilha tgħid in-naħa Amerikana?  L-Istati Uniti permezz tal-President tagħha se tagħmel minn kollox biex timmanipula l-opinjoni tiegħu u tipprova tbellagħhielna li l-ftehim hu xi rebħa.

Ir-realtà hi li ftehim għall-paċi qatt ma jista’ jkun rebħa.  Il-paċi vera ma tistax titqies bħala rebħa ta’ naħa waħda fuq oħra. Ftehim għall-paċi li jagħmel hu li juri li ntlaħaq kompromess bejn dawk involuti.  M’hemmx dubju li jekk ftehim jiġi ppreżentat bħala rebħa assoluta għal naħa waħda, x’aktarx ma jkunx paċi vera.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport