Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?
Bdiet ta’ etá żgħira. Kont ninżel nittrenja l-għawm il-pitch tan-Neptunes u tħajjart nibda nippratika l-waterpolo. Spiss kont nitla’ nara l-logħbiet tagħhom il-pixxina u din kabbret l-imħabba tiegħi lejn l-isport.
Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek ma’ Sirens ASC.
Kienu erba’ snin u nofs pożittivi fejn tawni l-oppurtunitá niżviluppa bħala plejer, nilgħab u ntejjeb il-livell tiegħi. Kelli opportunitá nittrenja taħt il-gwida ta’ żewġ kowċis tajbin ħafna – Marko Orlovic u Ranko Perovic li għallmumi ħafna. Minkejja l-aħħar ftit xhur ta’ problemi mal-klabb, xorta ngħid li kollox ma’ kollox kienet esperjenza pożittiva.
Kif qed tħares lejn ir ritorn tiegħek ma’ Neptunes WPSC?
Eċitat u determinat biex nagħti l-kontribut tiegħi lil dan il-klabb prestiġjuż wara li emmnu fija. Naħseb li kien il wasal il-mument fil-karriera tiegħi fejn niċċaqlaq biex nkun f’ambjent fejn nistgħu nimmiraw għar-rebħ tal-unuri. B’kowċ, kumitat u plejers tal-aqwa livell, jien ċert li nistgħu niksbu ħafna u jien kuntent li għandi ċans inkun parti minn dan.
Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek mat-tim nazzjonali Malti tal-waterpolo sa issa.
Hija tassew esperjenza mill-aqwa li tirrapreżenta lil pajjiżek fl-ogħla livell u dejjem ta’ unur. It-tim nazzjonali qed jikseb riżultati mill-aqwa dan l-aħħar u jien kuntent li tajt il-kontribuzzjoni tiegħi.
X’tikkummenta fuq il-kowċ, Milan Cirovic?
Huwa kowċ tekniku u tajjeb ħafna li nirrispetta mmens kemm tal-kuraġġ li tani meta kont għaddej minn mumenti diffiċli u kelli problemi mal-klabb wara s-sajf li għadda kif ukoll talli emmen fija u tani ċans nitla’ man-nazzjonal. Nemmen li bit- tmexxija tiegħu, it-tim nazzjonali jinsab f’idejn tajbin u jista’ jkompli jikseb riżultati tajbin.
X’unuri maġġuri rbaħt fil-karriera tiegħek sa issa, kemm fuq bażi personali kif ukoll bħala tim?
2018 – Senior Summer League (Neptunes); 2019 – Senior Winter League / KO / Summer League (Neptunes) u 2021 – First division league/ KO / 2021 First Division Player of the Year (Sirens).
Kif tqis ir-riżorsi (pixxini) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Għamilna qabża kbira f’dawn l-aħħar ftit snin bil-ftuħ tal-pixxini tas-Sirens u l-Kottonera.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-waterpolo?
Kuntent li ninsab fi klabb bħan-Neptunes. Nittama li nista’ nerġa’ nirbaħ l-unuri mal-klabb u nkompli nirrappreżenta lil pajjizi f’livell internazzjonali.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-waterpolo.
B’ħafna determinazzjoni u sagrifiċċju, kulħadd kapaċi jasal!