L-ex goalkeeper ta’ Manchester United, Edwin van der Sar, ċaħad kull spekulazzjoni li jista’ jirritorna mar-Red Devils fi rwol amministrattiv.
Van der Sar li għandu 51 sena – u li bħalissa jservi bħala kap eżekuttiv ta’ Ajax – ġie msemmi bil-qawwa li jista’ jieħu post Ed Woodward meta jitlaq mill-kariga tiegħu jew din is-sena jew fl-2022.
Madankollu, Van der Sar saħaq li fadallu żmien ma’ Ajax biex jieħu ħsiebhom l-ewwel, u qal: “Ma rridx insir il-Wenger jew il-Ferguson ta’ Ajax.
“Qed nieħu gost naħdem ma’ Ajax iżda jasal żmien li nitlaq. Iżda l-ambizzjoni tagħna għadha ma ntlaħqitx. Irridu li Ajax jikkompetu aktar fl-Ewropa.”
Van der Sar rebaħ erba’ titli tal-Premier League u ċ-Champions League ma’ Man United qabel dendel l-ingwanti fl-età ta’ 40 sena fl-2011.
L-ex goalkeeper tal-Olanda laħaq total ta’ 135 clean sheet f’266 dehra għar-Red Devils u rebaħ ukoll erba’ titli tal-Eredivisie u ċ-Champions League bħala n-numru wieħed ta’ Ajax.