Sunday, December 22, 2024

Eklissi totali fl-Istati Uniti u l-Kanada…Avveniment rari jdallam 15-il stat

Aqra wkoll

Ħafna skejjel, uffiċini u binjiet governattivi fl-Istati Uniti u l-Kanada llum, 8 ta’ April 2024, se jagħlqu l-bibien tagħhom għall-okkażjoni rari ħafna ta’ eklissi solari totali li mistenni jkunu viżibbli fi 15-il stat differenti fuq medda wiesgħa 185-il kilometri u twila 16,000 kilometru.

Dan l-avveniment li fih il-qamar se jgħatti kompletament ix-xemx, ġab influss qawwi ta’ miljuni ta’ nies li jridu jesperjenzaw dan il-fenomenu ċelestjali. F’Oklahoma saħansitra ssejħu l-gwardja nazzjonali biex jassistu lill-aġenziji lokali, turisti u lir-residenti tal-postijiet li minnhom se jkun jista’ jiġi osservat dan l-eklissi.

Jirrepeti ruħu 20 sena oħra…


Dan il-fenomenu ngħata l-isem ta’ “Great American Eclipse” u jekk it-temp jippermetti, l-eklissi se jdallam is-smewwiet tal-Istati Uniti minn Texas għal Maine. Tali eklissi huwa rari ħafna u se jerġa’ jirrepeti ruħu 20 sena oħra. Huwa proprju għalhekk li ħafna persuni li jgħixu barra miż-żoni msemmija mill-esperti, qegħdin jagħżlu li jivvaġġjaw distanzi kbar ħalli jkunu preżenti meta taqa’ d-dalma u anke t-temperatura.


L-interess f’dan l-eklissi huwa tant kbir li bliet u stati kemm fl-Istati Uniti, kif ukoll fil-Kanada, iddikjaraw stat ta’ emerġenza. In-NASA ħabbret li se xxandar dan l-avveniment live iżda l-astronomi qalu li, “dawk fortunati biżżejjed li jaraw personalment dan l-eklissi, żgur li se japprezzawh ferm aktar għax din hija esperjenza verament unika u eċċitanti”.

Turiżmu li se jiġġenera l-biljuni ta’ ewro

Li jagħmel dan l-eklissi speċjali aktar mill-oħrajn huwa l-fatt li huwa stmat li aktar minn 31 miljun persuna jgħixu fiż-żoni li minnhom se jkun viżibbli u se jkollhom mumenti ta’ dlam. Magħhom huwa stmat li bejn erba’ u ħames miljun persuna oħra se jivvjaġġjaw biex jingħaqdu wkoll biex jarawh. Dan l-influss turistiku huwa stmat li se jiġġenera mal-€1.4 biljun f’turiżmu.

Barra minnhekk, il-ħin li fih il-qamar se jgħatti kompletament ix-xemx se jkun ferm itwal minn eklissi oħra. Fil-fatt l-esperti qalu li dan jista’ jvarja minn erba’ minuti u nofs f’Eagle Pass f’Texas għal tliet minuti u nofs f’Maine.

Dan l-eklissi totali se jidher l-ewwel f’Mazatlàn, Sinaloa fil-Messiku fil-11.07 a.m. ħin lokali (fis-18.07 GMT). Mentri, l-ewwel post fl-Istati Uniti li fih il-qamar se jgħatti kompletament ix-xemx huwa Near Florentino Ramos Colonia f’Texas 1.27 p.m. ħin lokali (18.27 GMT). L-eklissi totali 2024 se jkun viżibbli wkoll f’Oklahoma, Arkansas, Missouri, Illinois, Kentucky, Indiana, Ohio, Pennsylvania, New York, Vermont u New Hampshire. Żoni oħra se jesperjenzaw dan l-eklissi però, mhux se jkun totali.

Opportunità għad-dinja tax-xjenza

Min-naħa tagħha n-NASA qiegħda tinsisti li dan l-eklissi, barra li huwa spettaklu interessanti ħafna għall-pubbliku, huwa wkoll opportunità għad-dinja tax-xjenza. Din l-aġenzija spazzjali, bi sħubija mal-Università Aeronawtika ta’ Florida “Embry-Riddle” waqt dan l-eklissi, se tispara rokits fid-dell tal-qamar bil-għan li tistudja kif l-atmosfera ta’ barra tad-dinja hija affetwata min-nuqqas ta’ ftit ħin ta’ dawl mix-xemx.

Huwa rrapporatat ukoll li f’dan l-avveniment ammont kbir ta’ xjenzati huma msejħa ħalli jgħinu f’għadd ta’ proġetti bil-għan li jesploraw l-effetti u l-misteri tal-eklissi solari. Wieħed minn dawn il-proġetti huwa l-“Eclipse Megamovie” li fih il-pubbliku huwa mistieden biex juża cameras tat-tip “DSLR” ħalli jiġbed ritratti tal-kuruna tax-xemx tul dan l-eklissi totali.

L-informazzjoni kollha miġbura se tintużaw biex issir analiżi tal-avveniment. Eklissi totali tagħti lill-komunità xjentifika informazzjoni importanti u għaldaqstant, barra l-miljuni ta’ residenti u turisti li se jkollhom għajnejhom fuq dan l-eklissi totali, il-komunità xjentifika wkoll se tħares bir-reqqa, tistudja u tevalwa dan l-fenomenu ċelestjali tal-lum.

Ekonomija

Sport