Saturday, December 21, 2024

EKONOMIJA LIL HINN MIN-NUMRI

Aqra wkoll

Ftit tal-ġranet ilu il-Bank Ċentrali ħabbar li l-ekonomija Maltija mistennija tikber b’rata medja ta’ aktar minn 5 fil-mija kull sena għat-tliet snin li ġejjin. 

Mhux hekk biss, id-daqs tal-ekonomija Maltija, il-cake nazzjonali, sa nofs is-sena d-dieħla se jkun reġa’ laħaq l-istess livell li kien fih fl-2019, qabel ma faqqgħet il-pandemija.

Numri tajbin hafna.

Aktar u aktar meta wieħed iqis il-fatt li pajjiżna se jkun qiegħed jirnexxilu jegħleb l-isfidi ekonomiċi li ġabet magħha l-pandemija mingħajr ma żdied il-piż tat-taxxi la fuq in-nies u lanqas fuq in-negozji. 

Fl-istess waqt id-dejn nazzjonali mhux se jkun qiegħed jilħaq livelli li ma nkunux nistgħu nikkontrollaw u fuq kollox, il-ħaddiem f’Malta qed igawdi minn wieħed mill-aqwa swieq tax-xogħol fl-Ewropa kollha. 

Imma t-tkabbir ekonomiku ma għandux ikun l-għan aħħari. 

Bis-saħħa ta’ dan il-ġid, il-ġenerazzjoni tagħna għandha l-possibilità reali li tibni ekonomija ġdida, ekonomija li timmira għal ħolqien ta’ ġid ġdid li ma jkunx jiffoka biss fuq kemm naqilgħu flus imma li jħares lejn kwalità ta’ ħajja aħjar għal kull min jgħix fil-gżejjer tagħna.

Prosperità Ekonomika u Progress Soċjali

M’iniex persuna idealista u għalhekk nemmen li mingħajr ekonomija soda bħala bażi tat-tluq inkunu qegħdin nirriskjaw li neħlu ħafna ħin nitkellmu fl-arja u ma nkunu nistgħu nwettqu xejn. Dak mhux jien. 

Se nkun qed inħares ’il quddiem biex nuża dan l-ispazju sabiex nippromwovi mezzi prattiċi ta’ kif nistgħu nibnu ekonomija aktar sostenibbli li tambixxi għal prosperità ekonomika. Mhux se naqblu dejjem, anzi, nispera li ma naqblux dejjem għax inkella nkunu qed naħlu l-ħin ta’ xulxin.

Żvilupp sostenibli, ambjent u arja aktar nadifa, il-ġlieda reali kontra l-prekarjat fis-suq tax-xogħol u l-iskjavitù moderna, il-livell tal-pagi tal-ħaddiema tagħna, edukazzjoni li tħarreġ u tipprepara liż-żgħażagħ tagħna għall-ekonomija tal-lum u ta’ għada. Dawn huma uħud fost is-suġġetti li nixtieq niddiskuti magħkom fil-ġimgħat li ġejjin.

Sadanittant gawdu dak li fadal minn dan is-sajf qalil u ftakru… Kien hawn min qal li climate change is not real.

Steve Ellul; konsulent finanzjarju u lettur fil-fakultà tal-Ekonomija fl-Università ta’ Malta.

Ekonomija

Sport