Monday, December 23, 2024

Eks impjegata ta’ Facebook: Dan is-sit jagħmel ħsara lit-tfal u lid-demokrazija

Aqra wkoll

Frances Haugen, l-eks impjegata ta’ Facebook u whistleblower, qalet quddiem il-politiċi Amerikani li l-kumpanija li kienet taħdem magħha u l-applikazzjonijiet tal-istess kumpanija “jagħmlu ħsara lit-tfal, joħolqu l-firda u jdgħajfu d-demokrazija.”

Haugen, li għandha 37 sena, fis-smigħ li sar ġewwa Capitol Hill kienet kritika ħafna tal-kumpanija facebook. Fid-dawl ta’ dan, din il-kumpanija qiegħda tiffaċċja kritika kif ukoll qed jiżdiedu t-talbiet biex din tiġi regolata. 

Min-naħa tiegħu, il-fundatur Mark Zuckerberg wieġeb għal dawn l-akkużi u qal li dawn qegħdin jipproġettaw “stampa qarrieqa” tal-kumpanija tiegħu. F’ittra li huwa bagħat lill-istaff tal-kumpanija, Zackerberg stqarr li dak li qiegħed jiġi allegat “ma jagħmilx sens” u semma l-isforzi u l-ġlieda li qiegħda ssir kontra kontenut li jista’ jagħmel ħsara, kif ukoll il-ħidma favur it-trasparenza.

Fl-ittra – li wieħed jista’ jara pubblikament fuq il-facebook – Zuckerberg tenna li, “aħna nagħtu kas ħafna s-sigurtà, u s-saħħa mentali u għalhekk hu diffiċli għalina meta naraw stqarrijiet li jitfgħu dell differenti fuq ix-xogħol u l-motivi tagħna.”

Facebook huwa l-iktar sit popolari fid-dinja tal-midja soċjali. Il-kumpanija tgħid li għandha kważi 2.7 biljun utent attiv, filwaqt li mijiet ta’ miljuni oħrajn jużaw applikazzjonijiet diversi ta’ din il-kumpanija bħal WhatsApp u Instagram. F’dawn l-aħħar snin din il-kumpanija kemm-il darba spiċċat fil-mira ta’ allegazzjonijiet fuq diversi kwistjonijiet fosthom li tonqas milli tipproteġi l-informazzjoni privata tal-utenti kif ukoll tonqos milli twaqqaf it-tixrid ta’ informazzjoni qarrieqa.

Ekonomija

Sport