Sunday, December 22, 2024

Eks president tal-Brażil akkużat b’assoċjazzjoni kriminali

Aqra wkoll

L-eks president tal-lemin estrem tal-Brażil, Jair Bolsonaro, qed jiffaċċja akkużi mill-pulizija federali tal-pajjiż illi assoċja ruħu ma kriminali u li ffalsifika informazzjoni fuqu nnifsu dwar it-tilqim tal-Covid-19 waqt il-pandemija li ħakmet lid-dinja. Bolsonaro iggverna bħala president tal-pajjiż bejn l-2019 u l-2022.

Il-Qorti Suprema nhar it-Tlieta kkonfermat u ħarġet l-akkuża tal-pulizija kontra Bolsonaro li tallega li hu u 16-il persuna oħra daħħlu informazzjoni falza fid-database tas-saħħa pubblika biex tidher bħallikieku l-eks president, bintu ta’ 12-il sena u diversi oħrajn fiċ-ċirku tiegħu kienu tlaqqmu bil-vaċċin tal-Covid-19.

Matul il-pandemija, Bolsonaro kien wieħed mill-ftit mexxejja dinjija li ħareġ qatta bla ħabel kontra l-vaċċin u pprova jċekken is-severita tal-pandemija. Huwa kiser b’mod miftuħ ir-restrizzjonijiet tas-saħħa pubblika waqt li ħeġġeġ lis-soċjetà biex issegwi l-eżempju tiegħu. 

L-amministrazzjoni Bolsonaro kienet injorat diversi emails mill-kumpanija farmaċewtika Pfizer li offriet li tbigħ lill-Brażil għexieren ta’ miljuni ta’ tilqim fl-2020. Pfizer kienet ikkritikat b’mod miftuħ mossa mill-gvernatur ta’ dak iż-żmien tal-istat ta’ São Paulo, João Doria, biex jixtri tilqim mill-kumpanija Ċiniża Sinovac meta l-ebda vaċċin minn dan ma kien disponibbli. 

L-uffiċċju tal-prosekutur ġenerali tal-Brażil se jkollu l-aħħar kelma dwar jekk jużax l-allegazzjoni tal-pulizija biex iressaq akkużi kontra Bolsonaro fil-qorti suprema, billi jirriżulta minn waħda minn bosta investigazzjonijiet li jippuntaw lejn Bolsonaro.  L-eks president tenna li ma ħax il-vaċċin tal-Covid-19 meta din kienet mandatorja. 

Il-pulizija qed takkuża lil Bolsonaro u lill-assistenti tiegħu li bagħbsu fid-database tal-ministeru tas-saħħa ftit qabel ma huwa vvjaġġa lejn l-Istati Uniti f’Diċembru 2022, xahrejn wara li tilef l-elezzjoni kontra Luiz Inácio Lula da Silva. Bolsonaro kellu bżonn ċertifikat ta’ tilqim biex jidħol fl-Istati Uniti, fejn baqa’ għall-aħħar jiem tal-mandat tiegħu u l-ewwel xhur tal-mandat ta’ Lula. 

Jekk jinstab ħati talli ffalsifika dejta dwar is-saħħa, il-politiku ta’ 68 sena jista’ jqatta’ sa 12-il sena ħabs. Iżda, iż-żmien massimu ta’ ħabs għal akkuża ta’ assoċjazzjoni kriminali huwa ta’ erba’ snin.

Bolsonaro għadu jgawdi lealtà qawwija fost dawk li jappoġġawh, kif muri minn protesta ta ‘appoġġ ix-xahar li għadda, b’madwar 185,000 ruħ jimblukkaw it-triq prinċipali ta’ São Paulo biex jiċħdu dak li huma u l-ex president jikkaratterizzaw bħala persekuzzjoni politika.

L-ogħla qorti elettorali tal-Brażil diġà ddeċidiet lil Bolsonaro bħala ineliġibbli sal-2030, fuq il-bażi li abbuża mill-poter tiegħu matul il-kampanja tal-2022 u tefa’ dubji infondati fuq is-sistema tal-votazzjoni elettronika tal-pajjiż.

Investigazzjonijiet oħra jinkludu waħda li tfittex li tiddetermina jekk Bolsonaro ippruvax jistabbilixxi pjan għall-kolp ta’ stat fil-Brażil wara li s-soċjalists Luiz Inácio Lula da Silva rebaħ l-elezzjoni presidenzjali. Investigazzjoni oħra tirrigwarda l-allegat involviment tiegħu fir-rewwixta tat-8 ta’ Jannar 2023 fil-kapitali, Brasília, ftit wara li Lula ħa l-poter, li jixbah l-irvell fuq il-Capitol f’Washington sentejn qabel. Bolsonaro ċaħad li għamel xi ħaġa ħażina fiż-żewġ każijiet.

Ekonomija

Sport