Wednesday, July 24, 2024

Multi fuq il-post għal min jikser il-projbizzjoni tat-tipjip fir-Renju Unit

Aqra wkoll

Liġi ġdida se tgħolli l-eta’ legali tat-tipjip kull sena b’sena madwar ir-Renju Unit kollu biex eventwalment ħadd ma jkun jista’ jixtri tabakk. Fil-fatt l-uffiċjali tal-Kunsilli se jingħataw is-setgħa li joħorġu multi ta’ £100 fil-konfront tat-tabakk u l-użu l-vapes sabiex jipprojbixxi lill-ġenerazzjonijiet futuri milli jpejpu. 

Tfal li jagħlqu 15-il sena din is-sena, jew iżgħar, skont il-liġi l-ġdida li se tiddaħħal f’dawn il-jiem se jkunu pprojbiti milli jixtru prodotti tat-tabakk jew vapes. Din qed issir minkejja twissijiet ta’ oppożizzjoni minn xi membri parlamentari Konservattivi.

F’mossa li tista’ toħloq rabja ulterjuri, il-liġi se ssaħħaħ ukoll is-setgħat tal-uffiċjali tal-infurzar tal-kunsill li jimmonitorjaw u jinvestigaw lill-bejjiegħa u jagħtihom is-setgħa li jimponu multa ta’ £100 għal reat il-ġdid.

Dan minbarra l-multa massima ta’ £2,500 li l-awtoritajiet lokali jistgħu jimponu fuq ħwienet u negozjanti oħra. Se jkun illegali wkoll li jingħataw kampjuni b’xejn ta’ vapes lil dawk taħt it-18-il sena.

Il-Prim Ministru Sunak sostna li din il-liġi, flimkien ma’ miżuri ġodda oħra għamndha l-għan li tiġi mrażżna ż-żieda allarmanti fil-vaping fost iż-żgħażagħ. 

Sunak fisser din il-bidla importanti bħala li se ssalva eluf ta’ ħajjiet u ffrankar ta’ biljuni ta’ liri għall-Iskema Nazzjonali tas-Saħħa tar-Renju Unit, billi tillibera riżorsi ġodda milli jistgħu jintefqu biex itejbu r-riżultati għall-pazjenti madwar ir-Renju Unit.

Iżda, backbencher konservattiv, Greg Smith, qal li s-setgħat żejda li se jingħataw il-kunsilli biex joħorġu multi fuq il-post jirriskjaw li jdejqu lill-votanti Konservattivi ewlenin bħal negozji żgħar.

Il-liġi ma niżlitx tajjeb lanqas ma xi membri konservattivi tal-House of Commons li qed jargumentaw li l-partit tagħhom huwa libertarjan u din mhix miżura liberali. X’aktarx li jkun hemm ‘il fuq minn 80 MP fuq il-bankijiet Konservattivi li jopponu din il-liġi.

L-eks Prim Ministru Liz Truss hija fost dawk li diġà wrew li se jopponu l-pjanijiet ta’ Sunak. Jekk ir-ribelljoni tal-konservattivi tikber, l-abbozz jista’ jiddependi fuq l-appoġġ tal-Labour biex jgħaddi.

It-tipjip jikkawża ħsara matul il-ħajja kollha. Dan jinkludi twelidijiet mejta, ażma, mard tal-qalb, mard pulmonari ostruttiv kroniku, 15-il tip differenti ta’ kanċer, puplesija u dimenzja.

Deborah Arnott, kap eżekuttiv ta’ Azzjoni dwar it-Tipjip u s-Saħħa (Ash), iddeskriviet il-leġiżlazzjoni bħala “innovattiva” u sostniet li jekk tgħaddi din se tkun miżura ewlenija tas-saħħa pubblika li tnaqqas il-mard, id-diżabilità u l-imwiet prematuri tal-lum u tal-ġenerazzjonijiet futuri.

In-numru ta’ nies fir-Renju Unit li jpejpu naqas b’mod drammatiku matul l-aħħar 50 sena. Fl-1974 madwar ir-Renju Unit, kien hemm 46% tal-adulti kollha jpejpu. Iżda sas-sena li għaddiet dak il-proporzjon niżel għal 12.9%. Bl-istess mod, il-proporzjon ta’ żgħażagħ ta’ bejn il-11 u l-15-il sena li jpejpu naqas minn 19% fl-2000 għal 3% fl-2021. Madankollu, madwar 350 adult żagħżugħ ta’ bejn it-18 u l-25 madwar ir-Renju Unit għadhom jibdew ipejpu regolarment kuljum. Il-gvern impenja ruħu wkoll li jipprojbixxi l-bejgħ u l-provvista ta ‘vapes li jintremew minn April 2025 taħt leġiżlazzjoni ambjentali separata.

Ekonomija

Sport