Wednesday, July 24, 2024

Malta wettqet jew qed twettaq il-maġġoranza tar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-GRECO

Aqra wkoll

Il-Gvern jilqa’ r-rapport  magħmul mill-Grupp tal-Istati Kontra l-Korruzzjoni magħruf bħala l-GRECO fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa fejn jinnota li Malta wettqet jew qed twettaq il-maġġoranza tar-rakkomandazzjonijiet. Fil-fatt, ir-rapport tal-GRECO jgħid li Malta implimentat jew qiegħda timplimenta 61% tar-rakkomandazzjonijiet.

Ir-rapport jittratta dwar il-prevenzjoni tal-korruzzjoni u l-promozzjoni tal-integrità fl-eżekuzzjoni tal-ogħla funzjonijiet eżekuttivi tal-gvernijiet ċentrali u fl-aġenziji tal-infurzar tal-liġi. L-evalwazzjonijiet tal-GRECO jsiru fuq bażi regolari dwar il-pajjiżi kollha li huma membri tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-GRECO.

Ir-rapport tal-GRECO jagħmel diversi rakkomandazzjonijiet lill-pajjiż konċernat sabiex itejjeb is-sistemi legali u amministrattivi tiegħu fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur illi jkun is-suġġett tal-evalwazzjoni.

Fost affarijiet oħra r-rapport jinnota li r-rapport tal-GRECO nnota riformi li wettaq il-Gvern favur is-saltna tad-Dritt u l-governanza tajba. Ġie nnutat il-progress fir-rinfurzar ta’ diversi uffiċini bħal dak tal-Ombudsman, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika u d-Dipartiment tal-Awditjar Intern u investigazzjonijiet kif ukoll l-implimentazzjoni kontinwa tal-Istrateġija Nazzjonali kontra l-Frodi u l-Korruzzjoni.

Ir-rapport jinnota b’sodisfazzjon iż-żieda rekord tal-fiduċja tal-pubbliku fil-Korp tal-Pulizija kif ukoll il-miżuri li ttieħdu biex tissaħħaħ il-politika tal-komunikazzjoni tal-Korp.

Ir-rapport ikkonferma wkoll l-implimentazzjoni u t-tisħiħ ta’ programmi ta’ taħriġ u miżuri bil-għan li joħolqu kuxjenza fuq l-integrità u l-etika professjonali tal-Korpi Dixxiplinati li l-Gvern f’dawn l-aħħar xhur investa bla preċedent fihom.

Il-GRECO kkummenta li jeħtieġ iżjed progress fuq punti oħra, liema punti l-Gvern kommess li jkompli jaħdem fuqhom biex isaħħaħ l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.

Ekonomija

Sport