Tuesday, December 24, 2024

Eku mill-għarqa tal-iskuna tas-sajd Zaira li fiha mietu żewġt irġiel

Aqra wkoll

Transport Malta tikkonkludi li l-iskuna għerqet għax daħal l-ilma f’kompartimenti li ma kinux magħluqin… iż-żewġt irġiel li għerqu ma kinux lebsin ġgieget tas-salvataġġ

YouTube video

Minn MELVIN FARRUGIA, Ritratti: ROGER AZZOPARDI

Sena wara li għerqet l-iskuna tas-sajd bl-isem ta’ Zaira f’Wied il-Għajn, Transport Malta ppubblikat rapport ta’ investigazzjoni li għamlet dwar din id-dgħajsa li fuq tilfu ħajjithom żewġt irġiel. 

L-awtorità kkonkludiet li wisq probabbli ż-Zaira għerqet minħabba li daħal wisq ilma fil-kompartamenti tad-dgħajsa u għalhekk tilfet l-istabilità. Tgħid ukoll li l-kawża tal-imwiet tal-mekkanik u l-ħaddiem ta’ fuq il-gverta wisq probabbli kienet li spiċċaw mgħarrqin. 

Fir-rapport jingħad li l-bieb tal-injam li kien jagħlaq il-gverta kien imkisser, filwaqt li ħafna mill-kompartamenti tal-iskuna kienet miftuħin u allura l-ilma baħar seta’ jidħol. Jissemma li anke l-ħażniet fejn jinżamm il-ħut kellhom il-lasktu mittiekel u għalhekk ma setax jingħalaq kompletament. 

Min-naħa l-oħra, Transport Malta qalet li l-ħut li kien hemm maħżun, flimkien mar-riħ u l-mewġ wasslu biex l-iskuna tinqaleb ‘il quddiem. Fl-istess waqt, kien dieħel l-ilma fil-kompartamenti u allura dan wassal biex l-iskuna tibla’ aktar ilma baħar. 

Dwar is-sajjieda jingħad li dawn ma kinux lebsin ġgieget tas-salvataġġ waqt li kienu qegħdin ibaħħru fil-qilla tal-baħar lejn il-port tal-Belt Valletta. 

Finalment, tgħid li l-allarm li kellu jindika li kien dieħel l-ilma ma kienx qed jaħdem, forsi minħabba li kienet saritlu ħsara bl-ilma baħar. Għalhekk jidher li lanqas il-pompa li titfa’ l-ilma baħar ‘il barra ma kienet leħqet ġiet attivata. 

F’dan l-isfond, Transport Malta tirrakkomanda li sid l-iskuna jgħatti l-bokkaperti b’għotjien li ma jippermettux li jidħol ilma; li jinstalla bibien li wkoll ma jħallux li jidħol ilma; li jżid in-numru ta’ postijiet minn fejn jista’ joħroġ l-ilma minn fuq il-gverta u jġorr radju f’każ li jkollu emerġenza. 

Il-każ kien seħħ proprju fl-4 ta’ Mejju tas-sena li għaddiet meta ż-Zaira kienet qiegħda tbaħħar lejn il-port tal-Belt Valletta biex issib il-kenn mill-maltemp. L-iskuna kienet tinsab tliet mili u nofs nawtiċi ‘l bogħod, meta mewġa għolja mil-Lvant wasslet biex l-iskuna tinqaleb ħafna ‘l quddiem. Imbagħad kien hemm mewġa oħra li kompliet taqlibha aktar ‘il quddiem u b’hekk daħal ħafna ilma mid-dħul tal-iskuna. 

Minħabba f’hekk is-sajjieda tilfu l-kontroll tal-iskuna u kellhom jabbandunawha. Eventwalment, l-iskuna daħlet fil-bajja ta’ Wied il-Għajn, fejn hemmhekk għerqet u damet għal xi sigħat bl-arblu jidher ‘il fuq mill-baħar, filwaqt li l-kumplament tal-iskuna kienet mgħarrqa. Żewġ sajjieda irnexxielhom jgħumuha sax-xatt, filwaqt li t-tnejn l-oħra għerqu u ġew irkuprati sigħat wara li seħħ l-inċident. 

Ekonomija

Sport