Każ ta’ stil ta’ mara b’bomba fiż-Żejtun, każ li jmur lura għas-sena 2005 kien reġa’ spiċċa fil-Qorti hekk kif il-persuna li kienet instabet ħatja fetħet proċeduri dwar dik li hu ddeskriva bħala ‘xhieda falza’. Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili ċaħdet kawża li fetaħ Ronald Azzopardi mill-piena ta’ għomor il-ħabs li qed jiskonta b’rabta ma’ dan il-qtil. Hu kien instab ħati li fit-18 ta’ Ġunju 2005 ikkaġuna l-mewt ta’ Angela Bondin u li kkaġuna ġrieħi gravi lil Therese Grima. Hu kien instab ħati ukoll li ipprova joqtol mara u tliet persuni oħra. Il-qtil seħħ meta splodiet bomba li tpoġġiet f’borża tal-iskart sewda u l-vittma marret tressaqha meta din ħadet u qatlitha waqt li feriet lill-mara li kienet qed titkellem magħha.
Ronald Azzopardi ċaħad li kien hu li poġġa l-bomba u fil-kawża li kien fetaħ sostna li s-sejbien ta’ ħtija kien ibbażat fuq xhieda li ma kinitx minnha. Argumenta li Joseph Grima kien qal li rah ipoġġi l-borża fuq il-post imma issa sar jaf li dan qatt ma identifikah. Azzopardi qal ukoll li Grima stqarr ma’ ibnu li ma għarfux. Minħabba dan, hu fil-kawża li fetaħ kontra l-Avukat Ġenerali u l-Avukat tal-Istat talab lill-Qorti tiddikjara li kellu d-drittijiet tiegħu miksura.
Il-Qorti iddikjarat li Azzopardi għamel il-kawża li permezz tagħha qiegħed jippremetti li ġew leżi d-drittijiet fundamentali tiegħu għal smigħ xieraq. F’dik li hija leżjoni għad-dritt ta’ smigħ xieraq, hu sostna li s-sejbien ta’ ħtija tiegħu kien ibbażat solament fuq ix-xhieda ta’ xhud bl-isem ta’ Joseph Grima, iżda hu jsostni li wara li ngħatat is-sentenza, ngħatatlu informazzjoni fis-sens illi Joseph Grima qatt ma identifika lilu bħala l-persuna li poġġiet il-bomba illi madwarha kien idur il- każ. Sabiex jissostanzja l-verżjoni tiegħu, hu esebixxa in atti 3 recordings fil-forma ta’ vidjows, waħda annessa mar-rikors u tnejn annessi mal-affidavit tal-Av Dr Jose Herrera, li fihom jidher Joseph Grima jiġi intervistat minn Kirsten Attard, Jean Paul Azzopardi (neputi tiegħu) u Mario Azzopardi (missieru) dwar il-każ tiegħu x-xhieda li l-istess Grima ta fil-proċeduri penali suriferiti.
Azzopardi isostni li f’dawn il-filmati Joseph Grima jidher u jinstema’ jinsisti li huwa ma kienx identifika lilu bħala l-persuna li poġġiet il-bomba, u jiddikjara li kieku kien hu li identifika lil Azzopardi, kien lest jidħol il-ħabs hu u jiskonta s-sentenza flok Ronald Azzopardi. Il-Qorti qalet li Azzopardi qiegħed jippremetti illi l-verżjoni illi jidher li qed jagħti Joseph Grima fil-vidjows esebiti in atti tikkontrasta mal-verżjoni li ta fil-proċeduri penali miġjuba fil-konfront tiegħu, u li s-sejbien ta’ ħtija a bażi tax-xhieda li il-Qorti iddikjarat li sejra tagħmilha minn issa ċara li hija sejra tastjeni milli tagħti deċiżjoni għall-ewwel alternattiva billi tiddetermina jekk ix-xhieda ta’ Grima kinitx veritiera jew le, jekk setgħetx ingħatat mod ieħor, u jekk, a bażi tagħha, ir-Azzopardi setax jinstab innoċenti. L-indaġini ta’ din il-Qorti sejjer ikun limitat għat-tieni alternattiva, sabiex jiġi determinat jekk jirriżultax mill-atti li l-proċeduri penali fil- konfront tar-rikorrent tmexxew b’tali mod li kienu leżivi għal xi dritt fundamentali tiegħu.
Il-Qorti qalet li “hija biss allegazzjoni ta’ Ronald Azzopardi li x-xhieda ta’ Joseph Grima kienet waħda falza, ibbażata fuq amateur vidjow meħud minn iben, missier u n-neputi tiegħu illi ttieħed waqt “intervista” illi saret mill-istess tliet persuni f’mise en scene fejn introduċew irwieħhom lil Joseph Grima bħala “tas-CPS, qegħdin l-Università’”.
Din hija allegazzjoni li din il-Qorti mhix sejra tinoltra ruħha dwarha stante illi, hekk kif gia ngħad, m’għandhiex il-kompetenza illi tagħmel dan. Inoltre, iżda, din il-Qorti ma rat assolutament l-ebda prova ta’ kif seta’ ġie leż id-dritt fundamentali ta’ Azzopardi għal smigħ xieraq, u dan stante illi r-rikorrent ressaq provi unikament sabiex jissostanzja l-fehma tiegħu illi, “Joe Grima kien tahom x’jifhmu li fix-xhieda tiegħu kien xehed b’mod invertier u li l-persuna li poġġiet il-bomba ma kienx l-esponent”, u ma jressaq ebda prova dwar kif il-Prosekuzzjoni setgħet imxiet b’mod leżiv għad-drittijiet fundamentali tiegħu, jew dwar kif il-Qrati b’kompetenza kriminali setgħu abdikaw ruħhom mir-responsabilita’ tagħhom illi jaraw illi tinsab il-verità”.
Kompliet tgħid li “din il-Qorti tirrileva, għall-fini ta’ kompletezza, illi, f’dik illi hija l-kondotta tal-Prosekuzzjoni fil-proċeduri penali miġjuba fil-konfront tar-rikorrent, hija ma ssibx x’tiċċensura.
Il-Qorti rat illi l-Prosekuzzjoni ma ressqitx biss lil Joseph Grima bħala prova fil- proċeduri penali miġjuba fil-konfront tar-rikorrent, iżda ressqet, inter alia, lil Mary Rose Cassar, illi kienet il-persuna illi għaliha l-bomba kienet intiża, lil Matthew Pace, illi x-xhieda tiegħu kienet f’waqtiet konfliġġenti iżda kienet titfa’ dawl fuq l-involviment tar-rikorrent fl-akkadut, lill-Ispettur Carmelo Bartolo, illi din il-Qorti semgħetu wkoll jixhed quddiemha, illi ta spjegazzjoni dettaljata tal-via li ħadet l-investigazzjoni u x’wassal sabiex jiġi akkużat Azzopardi, lil Tessie Grima, mart Joseph Grima, lil Antonia Cinto u Anthony Cinto, illi kkonfermaw li l-vettura li ntużat fir-reat kienet ġiet mibjugħa minnhom lil Azzopardi, u lil Stephen Conti, li fil-kumpilazzjoni xehed li Azzopardi kien ħa l-vettura li ntużat fir-reat il-garaxx tiegħu għal tiswija lejlet li seħħ ir-reat, iżda aktar tard bidel il-verżjoni tiegħu u qal illi l- vettura ttieħdet għandu mir-rikorrent iktar minn ġimgħa wara li seħħ ir- reat. Carmelo Bartolo xehed quddiem din il-Qorti li kien hu li kellem lil Joseph Grima, u li Joseph Grima ta l-istess xhieda bil-ġurament lill-Maġistrat Inkwerenti, kellu x-xhieda tiegħu korraborata mill-verżjoni ta’ martu Tessie Grima, u kien identifika lil Azzopardi f’Identification Parade u l-vettura li ntużat fir-reat bħala dik ta’ Azzopardi fil-yard tad-depot tal-Pulizija.”
Il-Qorti qalet ukoll li “jixhed ukoll l-istess xhud illi l-alibi illi ta r-rikorrent għall-jum illi fih seħħ ir- reat irriżulta illi ma kienx ikopri fih il-ħin li fih seħħ ir-reat, u li rriżultalu wkoll illi n-numru tat-telefon ċellulari illi kien qed juża Azzopardi f’dik l-epoka kien ġie lokalizzat fiż-żona fejn seħħ ir-reat fil-ħin tal-akkadut.
Dan apparti li CCTV cameras fl-inħawi ta’ fejn seħħ ir-reat kienu wrew il-vettura proprjetà Azzopardi tiġi misjuqa lejn dawk in-naħat. Il-Qorti tqis għalhek li l-Prosekuzzjoni ma xlietx lir-rikorrent b’mod kapriċċuż, iżda dan għamlitu abbażi ta’ numru ta’ provi – u mhux ix-xhieda ta’ Joseph Grima biss – illi kollha wassluha għall-konklużjoni li kien Azzopardi li wettaq ir-reat. Il-Qorti rat ukoll illi l-Prosekuzzjoni ma ħaditx ix-xhieda ta’ Joseph Grima u waqfet hemm, iżda investigat ukoll elementi mix-xhieda tiegħu ma’ terzi, b’dana illi din il-Qorti ma tasalx temmenlli l-Prosekuzzjoni ma mxietx b’galbu u diliġenza fl-investigazzjoni illi wasslet sabiex ġie identifikat ir-rikorrent bħala dak illi wettaq ir-reat.”
Il-Qorti ċaħditlu t-talba u qalet li ma rat assolutament ebda prova ta’ kif seta’ kellu d-drittijiet tiegħu miksura.
