Kif mistenni Alex Perici Calascione inħatar Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Għat-tieni darba fi żmien ftit ġimgħat, il-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista kellhom jivvutaw f’żewġ elezzjonijiet li fihom kien qiegħed itellaq persuna waħdu. Fl-elezzjoni tal-Kap kien biss Bernard Grech li xeħet in-nomina tiegħu biex ikompli jaqdi dan l-irwol. Huwa kien saħaq li hu xtaq li jkun hemm kontestazzjoni, iżda ladarba ħadd ieħor ma xeħet ismu, talab biex il-kunsilliera jagħtuh fiduċja biex ikun jista’ jieħu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn fil-partit.
L-istess seħħ fl-elezzjoni għall-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista fejn kien Alex Perici Calascione biss li wera l-interess f’din il-kariga fil-partit. Minkejja li fit-tħabbira tar-riżultat tal-elezzjoni, intqal li Calascione kien kiseb aktar minn 90 fil-mija tal-voti, tajjeb li ninnutaw li n-numri kienu juru mod ieħor. Dan hekk kif kien hemm 469 kunsillier li għażlu li lanqas biss jipparteċipaw f’din il-votazzjoni.
Minn fost l-1571 Kunsillier eleġibbli Calascione rnexxielu jikseb 976 vot, b’104 kunsillieri oħra jvvutaw kontra u 22 vot invalidu. Meta dak li jkun jaħdem il-persentaġġ tal-fiduċja skont dawn in-numri kollha faċli jasal għall-konklużjoni li fil-verità Calascione kiseb biss 62 fil-mija tal-voti kollha eleġibbli.
Dan ir-riżultat li jikkonferma għalkollox l-apatija li qed tiddomina fid-Dar Ċentrali, wasal minkejja li Alex Perici Calascione tellaq waħdu f’elezzjoni li spikkat għall-fatt li ħadd mill-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista ma kien lest jikkontesta biex ikun il-Viċi tal-Kap Bernard Grech.
Minkejja li tenna l-fiduċja tiegħu fil-Viċi Kap elett, il-Kap tal-PN Bernard Grech, filwaqt li feraħ lil Calascione, bilkemm ma riedx ifisser li kienet deċiżjoni għaqlija minn tiegħu li dan jikkontesta, jiġi elett u saħansitra jidħol għal kariga bħalma hi dik ta’ Viċi Kap ta’ partit fi żmien ftit xhur.
Fid-diskors tal-għeluq fil-Kungress Ġenerali, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ma naqasx milli jmaqdar il-ħidma tal-gvern. Ilmenta fost affarijiet fuq l-Isptar u l-mediċini out of stock. Nemmnu li din hija l-istrateġija ta’ partit li jitlef kemm jitlef elezzjonijiet, waħda wara l-oħra, mhi se twasslu mkien. Ikkritika wkoll is-sitwazzjoni fl-Isptar tal-onkoloġija u qal li pazjenti li diġà jkunu għaddejjin minn martirju ma jixirqilhomx jgħaddu minn aktar problemi. Tkellem dwar Partit Nazzjonalista li qiegħed jiġġedded meta l-kelliema ta’ qablu qalu li jeħtieġ li ssir xi ħaġa għax inkella l-partit se jibqa’ ma jiħux ir-ruħ.
Spikka fl-għeluq tal-kungress il-kumment tal-eks Kap tal-Partit Robert Arrigo li qasam il-ħsieb tiegħu. Huwa spjega dwar persuna bħalu li sal-aħħar ġurnata tibqa’ taħdem għall-partit, filwaqt li persuni oħra li jimmilitawh jispiċċaw jeqirdu dik il-ħidma b’azzjonijiet li xejn ma jagħtu ġieh. Arrigo tkellem dwar l-uġigħ li jħoss li minkejja li elezzjoni wara l-oħra huwa rnexxielu jikseb fiduċja b’saħħitha mill-elettorat, kien hemm persuni fl-aħħar xhur tal-kampanja li pruvaw jagħmlu l-ħsara. Huwa qal li għadu sal-lum ma jistax jifhem kif spiċċa mwarrab min-nies li jimmilitaw fil-partit stess.
Arrigo sostna li mhuwiex aċċettabbli li jibqa’ jkun hawn dan l-ippunttar tas-swaba’ u li hemm bżonn li kull membru fil-Partit Nazzjonalista jiġbed ħabel wieħed. Jidher li t-telfiet tal-Partit Nazzjonalista, sena wara l-oħra, mhumiex jaċċettaw x’inhu jiġri.
Fid-diskors tiegħu, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista kompla biex jitfa’ l-ħtija ta’ dak li għaddej fuq fejn tidħol l-inflazzjoni fuq il-gvern u kompla biex jagħmel ċertu kritika filwaqt li ma naqasx li jattakka lil Robert Abela.
Nemmnu però li bħalma qal l-eks Viċi Kap, hemm bżonn li l-Partit Nazzjonalista jqum waħda fuq tiegħu sewwa u jagħmel analiżi interna kif sippost.