Tuesday, April 30, 2024

Euro 2022 tan-Nisa:  L-Ingilterra champions Ewropej

Aqra wkoll

Ingilterra …………….. 2

Ġermanja ……………. 1

(wara l-ħin barrani)

L-Ingilterra huma ċ-champions Ewropej tan-Nisa meta fil-finali għelbu lill-Ġermanja 2-1 fil-ħin barrani.

Iż-żewġ timijiet lagħbu b’mod aggressiv u b’intensitá kbira fejn baqgħu jissieltu sal-aħħar.

L-Ingilterra setgħu daħlu jistrieħu fil- vantaġġ peró Ellen White falliet żewġ ċansijiet tajbin.

L-ewwel wieħed wasal fit-tielet minuta meta Fran Kirby xeħtet cross iżda d-daqqa ta’ ras ta’ White kienet wisq ċentrali. Fl-ieħor setgħet għamlet aħjar meta fit-38 minuta hija ġriet għall-pass ta’ Beth Mead iżda dehret kemmxejn żbilanċjata u minn pożizzjoni ideali  falliet il-mira bi ftit.

Fis-26 minuta, l-Ingliżi ħelsuha ħafif meta Leah Williamson salvat minn fuq il-linja fatali t-tentattiv ta’ Marina Hegering li seg­wiet konfużjoni sakemm il-goalkeeper Mary Earps ħatfet il-ballun.

Fit-62 minuta, l-Ingliżi fetħu l-iskor meta Keira Walsh xeħtet cross fit-tul lejn is-sostituta Ella Toone li għelbet in-nasba tal-offside, avvanzat u llobjat minn fuq il-goalkeeper Merle Frohms.

Iżda fid-79 minuta l-Ġermaniżi kisbu d-draw meta fetħu beraħ lid-difiża avversarja u minn pożizzjoni djagonali Lina Magull ma żbaljatx biex il-logħba marret fil-ħin barrani. 

 U proprju kienu l-Inglżi li skorjaw dak li kellu jkun il-goal tar-rebħa mis-sostituta Chloe Kelly (110) li approfittat minn indeċiżjoni fid-difiża.

Sport