Wednesday, April 24, 2024

Logħob tal-Commonwealth: It-team tal-lawn bowls eliminat u Thornton tispiċċa t-tmienja

Aqra wkoll

It-team Malti tat-Triple tal-Irġiel tal-lawn bowls, kompost minn Peter John Ellul, Troy Lorimer u Shawn James Parnis, ġie megħlub fil-kwarti-finali wara li tilef 15-14 kontra Fiji wara li fil-grupp tiegħu kiseb rebħa, draw u telfa kontra New Zealand 22-12, kontra l-Indja 16-16 u kontra l-Iskozja 6-28.

Nhar is-Sibt filgħaxija t-team tal-Ladies Fours kompost minn Rose Maree, Rebecca-Louise, Connie-Leigh Rixon u Irene Attard, sofra t-tielet telfa meta tilef kontra l-Malasja 22-6 meta kien diġa’ ġie eliminat wara żewġ telfiet kontra Norfolk Island 16-12 u kontra l-Irlanda ta’ Fuq 16-10.

Il-weightlifter ta’ 16-il sena, Tenishia Thornton, ħadet sehem fil-kategorija 59kg tan-Nisa, iżda sabet kompetituri diffiċli tant li temmet fit-tmien post minn 11-il kompetitur bl-aħħar waħda ma ttemmx il-kompetizzjoni.

Tenishia refgħet 78kg fis-snatch u 100kg fil-clean & jerk għal total ta’ 178kg.

Ir-rebbieħa tal-midalja tad-deheb kienet Rafiatu Folashade Lawal tan-Niġerja b’total ta’ 206kg (90 u 116), dik tal-fidda rebħitha Jessica Gordon Brown tal-Ingilterra b’197kg (86 u 109) u dik tal-bronż Tati Darsigny tal-Kanada b’196kg (86 u 109).

Sport