Wednesday, April 24, 2024

Ella Borg… Iċ-Champion Nazzjonali tal-ġinnastika

Aqra wkoll

Ella Borg twieldet nhar l-10 ta’ Lulju 2004 u llum il-ġurnata għandha 17-il sena. Hi tipprattika l-ġinnastika u kkwalifikat għall-ewwel fil-Junior Artistic World Championships, EYOF u Comegym Junior Mediterranean Ga­mes. 

Hija spiċċat fl-ewwel post overall, fil-beam u bħala team u t-tielet fil-floor f’Novi Sad is-Serbja. Barra minn hekk fil-bidu tal-karriera internazzjonali tagħha temmet fit-tieni post fil-floor fit-Tigers Cup, f’Riga l-Latvja u t-tielet l-beam waqt l-Ukranian Cup li saret fil-belt ta’ Kiev fl- Ukrajna.

F’dawn l-aħħar snin kompliet tistabilixxi ruħha f’dan l-isport u hija meqjusa bħala waħda mill-aqwa ġinnasta lokali.

Kif bdiet l-imħabba tie­għek lejn il-ġinnastika?

Kont għadni tifla żgħira u ommi kienet dejjem tarani b’enerġija kbira fejn ġieli kont nipprova xi akrobazija jew inkella xi kut­rumbajsa. 

Kien għalhekk li hi ssuġġerietli li nipprova l- ġinnastika u jien aċċettajt. Kienet kitbitni mal-Gym Stars ta’ Ħaż-Żebbuġ u mill-ewwel qisu għoġobni dan l-isport. Minn dik il-ġurnata bqajt għaddejja nitħarreġ, nipprattika u nieħu sehem f’kompetiz­zjonijiet lokali u internaz­zjonali u litteralment qatt ma ħarist lura. 

Għall-bidu kelli l-coach Antonina iżda aktar tard ġiet ukoll Nataliya Pantaleeva li għadha tieħu ħsiebi sal-lum il-ġurnata. B’mod gradwali avvanzajt, dejjem żammejt saqajja mal-art u komplejt niżviluppa l-ħiliet tiegħi f’din id-dixxiplina.

Semmejt lil Nataliya Pantaleeva. Kemm tgħinek din bħala coach?

Il-coach Nataliya tgħini ħafna, tagħtini pariri taj­bin, hija persuna paċenzjuża u dejjem tara li nkunu fhimna dak li tgħidilna. Hi għenitni ħafna sabiex intejjeb diversi ħiliet fost­hom is-saħħa u anke l-fles­sibbiltá li bla dubju huma ferm importanti fil-ġinnastika. 

Il-coach tiegħi għandha esperjenza vasta fuq livell internazzjonali hekk kif anke hi pparteċipat f’diversi kompetizzjonijiet lura fiż-żmien u għalhekk issa qed tgħaddi dak kollu li taf lilna bħala ġinnasti Maltin. Verament ninsabu xxurtjati li għandha coach dedikata fejn flimkien mal-kumitat kollu jaraw li bħala atleti ma jkun jonqosna xejn.

Int għadek studenta fl- iskola apparti li għandek taħriġ intensiv f’dan l-isport. Kif jirnexxielek tlaħ­ħaq ma’ dawn l-attivitajiet kollha?

F’dan l-istadju għalija hu­wa importanti ħafna li nqassam il-ħin tiegħi. Dan kollu mhux faċli speċjalment minħabba li rrid inlaħħaq ukoll mal-istudju u x-xogħol tad-dar apparti t-taħriġ kontinwu. Ġieli nis­piċċa nistudja fil-karozza sabiex inlaħħaq iżda s’issa ma ngergirx.

Liema kienu l-kompetizzjonijiet maġġuri li rnexxie­lek tirbaħ sa issa kemm lokali u anke barra minn xtutna?

Jien ħadt sehem f’diversi kompetizzjonijiet lokali u internazzjonali. Fil-fatt għad­ni ġejja minn taħriġ intensiv fil-Belġju fejn nistqarr li tgħallimt ħafna f’dan il-kamp ta’ taħriġ.

Ħadt sehem ukoll f’kompetizzjoni msejħa Islands Games fejn irnexxieli nieħu midalji tad-deheb, tal-fidda u tal-bronż. Kelli wkoll parteċipazzjoni fil-logħob taż-żgħażagħ kemm dawk dinjija kif ukoll tal-Mediterran.

Int irbaħt il-kampjonati nazzjonali tal-ġinnastika. X’fisser għalik dan is-suċ­ċess?

Għalija kien importanti ħafna li nirbaħ il-kampjonati nazzjonali għax ridt inżomm ċertu livell f’din id-dixxiplina. 

Għalija din kienet ukoll it-tieni darba li rbaħt din il-kompetizzjoni u ninsab kuntenta ħafna li wasalt għal dan it-tragward. Ġejt fl-ewwel post f’kull apparat fosthom il-vault u l-floor. 

Kif tipprepara fiżikament u psikoloġikament qa­bel ma tkun se tikkompeti f’xi kompetizzjoni?

L-ewwel u qabel kollox, trid tagħmel ħafna u ħafna taħriġ. Jien nitħarreġ kuljum u meta tkun ġejja xi kompetizzjoni, inżidu wkoll is-sigħat ta’ taħriġ sabiex dejjem inkun fl-aqwa forma possibbli.

Għalkemm fiżikament hu importanti li tkun tajba, madankollu l-moħħ jil­għab parti importanti u għalhekk importanti li dejjem tkun rilassata sabiex tagħti l-aqwa wirja possibbli aktar u aktar meta int tkun quddiem il-ġurija.

X’differenza hemm bejn il-kompetizzjonijiet tal-beam, floor, bars u vault?

Ġeneralment dawn l-erba’ tipi ta’ ġinnastika fihom il-partikolaritajiet tagħ­hom. F’ordni Olimpika, l-ewwel insibu l-vault, imbagħad il-bars, il-beam u finalment il-floor. Kull avveniment hu importanti għall-ġinnasta li bl-Ingliż tissejjaħ all-rounder, jiġifieri, tkun kapaċi tagħmilhom l-erbgħa li huma. 

Naturalment mhux xi ħaġa faċli, fil-fatt huwa rari li ġinnasta tkun tajba fl-erbgħa li huma.

Tajjeb li ngħidu li ġinnasta b’saħħitha tmur taj­jeb fil-vault u l-floor min­ħabba li jinvolvu ħeffa u saħħa. Madankollu ġinnasta li forsi hi iktar fina tmur għall-bars u l-beam. Dawn l-avvenimenti jinvolvi ħila kbira u fuq kollox trid tiffoka ħafna. 

Int tikkompeti bħala team jew inkella individwali?

Normalment nikkompeti b’mod individwali f’kompetizzjonijiet lokali u anke internazzjonali.

Liema huma l-kompetizzjonijiet internazzjonali li qed taspira li tieħu sehem fil-futur qrib?

Nixtieq ħafna li mmur fil-Logħob tal-Commonwealth kif ukoll wieħed mill-objettivi tiegħi hu li nirrappreżenta lil Malta fil-Logħob Olimpiku. Naf li dawn mhux tragwardi faċli iżda lesta nagħmel minn kollox, nistinka, nitħarreġ u nirsisti sabiex il-ħolm li għandi jsir realtá. 

Peress li f’Malta, l-għażliet għall-ġinnasta huma ferm limitati, tikkonsidra li tmur tgħix barra minn Malta sabiex hemmhekk issir atleta professjonali?

Iva hi x-xewqa tiegħi li niddedika ħafna mill-ħin tiegħu għall-ġinnastika u eventwalment nsir profes­sjonali.

Kif tarah il-livell tal-ġinnastika f’Malta? 

Qed nara li jiġu organizzati diversi avvenimenti żgħar għalkemm aktar ma jkun hemm kompetizzjonijiet aktar ikun hemm titjib

Huwa veru li għandna l-limitazzjonijiet tagħna iżda meta aħna mmorru nitħarrġu u nikkompetu barra minn Malta, min­għajr ma trid ittella’ l-livell tiegħek. 

X’taħseb dwar l-infras­truttura fejn atleti u ġinnasti jitħarrġu f’pajjiżna? Hemm biżżejjed?

Ifhem, iktar ma jkun hemm iktar se tara parteċipazzjoni għalkemm naħseb li ma nistgħux ingergru daqshekk għax il-ftit riżorsi li hawn huma tajbin.

X’se jkun il-futur ta’ Ella Borg?

Kif għedtlek aktar qabel, se nkompli naħdem aktar sabiex nipparteċipa f’kompetizzjonijiet prestiġjużi fosthom it-Tazza tad-Dinja f’Dubai, il-Logħob tal- Mediterran, il-kampjonati Mondjali u dawk tal-Commonwealth. Importanti li tkun ambizzjuża għax b’hekk biss jiġu s-suċċessi. 

Nixtieqek tgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li jixtiequ jaqbdu karriera fil-ġinnastika.

M’hemmx dubju li l-ġinnastika hu sport diffiċli iżda huwa sabiħ ferm. 

Dan it-tip ta’ sport jirrikjedi ħafna sigħat ta’ taħriġ, sagrifiċċji, dedikazzjoni u rieda sabiex jibdew jaslu s-suċċessi. 

Importanti li ma taqtax qalbek u jekk tibqa’ tirsisti, bla dubju, se tikseb ir-riżultati mixtieqa. 

Sport