Sunday, December 22, 2024

Eluf ta’ ħaddiema barranin imkeċċijin mill-belt kapitali tal-Qatar qabel il-bidu tat-Tazza tad-Dinja

Aqra wkoll

L-awtoritajiet tal Qatar żvojtaw blokki ta’ appartamenti li kien fihom eluf ta’ ħaddiema barranin fl-istess żoni fiċ-ċentru tal-kapitali Doha fejn se joqogħdu l-partitarji ta’ diversi pajjiżi waqt it-Tazza tad-Dinja.

Il-ħaddiema li sabu ruħhom bla saqaf sostnew li aktar minn tużżana bini kienu evakwati u magħluqa mill-awtoritajiet, u ġiegħlu lill-ħaddiema, l-aktar Ażjatiċi u Afrikani, biex ifittxu kenn ieħor … iżda ħafna minnhom spiċċaw jorqdu fuq il-bankini u fit-toroq.

F’bini minnhom, li kien kompost minn aktar 1,200 persuna, fid-distrett ta’ Al Mansoura ta’ Doha, nhar l-Erbgħa li għadda għall-ħabta tat-8.00 pm,  l-awtoritajiet informaw lir-residenti li kellhom biss sagħtejn ċans biex jitilqu minn hemm.

L-uffiċjali muniċipali rritornaw għall-ħabta tal-10.30 pm, sfurzaw lil kulħadd ‘il barra u sakkru l-bibien ewlenin tal-bini.  Irġiel li nzertaw kienu barra u ma laħqux jirritornaw fil-ħin ma setgħux jiġbru l-affarijiet personali tagħhom.

Uffiċjal tal-gvern tal-Qatar qal li l-iżgumbramenti ma kienux relatati mat-Tazza tad-Dinja u tfasslu “f’konformità mal-pjani komprensivi u fit-tul li għaddejjin biex jiġu organizzati mill-ġdid iż-żoni ta’ Doha”.

“Iż-żoni reġgħu ġew imqiegħda f’akkomodazzjoni sigura u xierqa,” qal l-uffiċjal, u żied li t-talbiet biex jitbattlu l-binjiet “kienu jsiru b’avviż xieraq”.

Il-FIFA naqset li tikkummenta għal dan l-aġir.

Sadanittant, il-belt ta’ Barċellona mhux se toffri postijiet pubbliċi biex jintwerew il-logħob tat-Tazza tad-Dinja, inklużi dawk ta’ Spanja, wara li s-Sindku qal li l-belt Katalana ma tappoġġax li t-tournament mondjali jiġi organizzat f’pajjiż dittatorjali.

Ekonomija

Sport