Sunday, May 5, 2024

Eluf ta’ studenti lura fl-iskejjel biex jibdew is-sena skolastika

Aqra wkoll

L-iskejjel tal-Istat fetħu l-bibien tagħhom biex jilqgħu eluf ta’ studenti għall-bidu tas-sena skolastika 2021/2022. Dan skont il-protokolli maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa. 

Bħala prevenzjoni, qiegħda tiżamm distanza stipulata bejn l-istudenti kif ukoll bejn l-istudenti u l-għalliema. Din is-sena wkoll infetħu klassijiet addizzjonali biex ikun hemm klassijiet fl-iskejjel għat-tfal kollha u dawn jingħataw it-tagħlim mill-għalliema fil-klassi. Il-maskri jridu jibqgħu jintlibsu. 

F’messaġġ li għamlet il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana fuq il-paġna tagħha ta’ Facebook, hija qalet li “qegħdin fil-bidu ta’ sena skolastika ġdida, mimlija ħeġġa u entużjażmu.”

“Ilna sajf naħdmu qatigħ biex stajtu tidħlu l-iskola u ssibu l-ambjent sabiħ ta’ madwarkom. Ilkoll issa ninsabu preparati biex niftħu l-bibien tagħna u qed nilqgħukom fuq il-bankijiet tal-iskola flimkien ma’ sħabkom.”

Waqt li rrikonoxxiet li dawn l-aħħar xhur kienu diffiċli minħabba l-pandemija tal-Covid-19, il-Ministru Caruana qalet li f’pajjiżna l-iskejjel infetħu u nżammu miftuħin. Qalet ukoll li min ma setax jiġi l-iskola, seta’ jingħata t-tagħlim permezz ta’ għajnuniet oħrajn.

“Għandna l-aqwa riżors li huma t-tfal tagħna, uliedna li mhux biss huma l-futur ta’ pajjiżna imma l-preżent. Għalhekk qed naħdmu l-ħin kollu għalikom. Aħna rridu nieħdu ħsiebkom. Irridu ninvestu fikom. Ġejja sena quddiemna li għandha l-isfidi tagħha imma se tkun sena sabiħa wkoll mimlija ħeġġa u entużjażmu. Flimkien magħkom mal-edukaturi, irridu nkomplu naħdmu biex ikollkom esperjenza sabiħa,” il-Ministru Caruana.

Sport